Affarijiet Barranin
Stqarrijiet għall-Istampa Relatati
Fil-laqgħat tiegħu dwar l-Affarijiet Barranin, il-Kunsill jittratta l-azzjoni esterna kollha tal-Unjoni, inkluż il-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-kummerċ barrani u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Fis-snin reċenti l-prijorità tal-Kunsill, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, kienet li tiġi żgurata koerenza fl-azzjoni esterna tal-UE fil-firxa kollha ta' strumenti għad-dispożizzjoni tal-Unjoni.
Il-prinċipji u l-objettivi tal-PESK huma s-salvagwardja tal-valuri komuni, l-interssi fundamentali, l-indipendenza u l-integrità tal-Unjoni, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; it-tisħiħ tas-sigurtà tal-Unjoni fil-forom kollha tiegħu; il-preservazzjoni tal-paċi u t-tisħiħ tal-komunità internazzjonali, f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU; il-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali; u l-iżvilupp u l-konsolidazzjoni tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Il-Kunsill huwa wkoll responsabbli għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni. Il-Ministri tad-Difiża tradizzjonalment jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin darbtejn fis-sena, barra mil-laqgħat informali tagħhom (ukoll darbtejn fis-sena).
Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li huwa l-President tal-Kunsill Affarijiet Barranin, għandu rwol ċentrali fil-formulazzjoni, it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-PESK.
Fil-qasam tal-PESK, il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) jgħin biex jiġu definiti politiki billi jfassal opinjonijiet għall-Kunsill, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-tħejjija ta' sessjonijiet tal-Kunsill. Il-KPS jeżerċita wkoll, taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill, kontroll politiku u direzzjoni strateġika tal-operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet.
- Politika dwar il-Kummerċ Barrani
L-Unjoni Ewropea hija l-attur ewlieni fil-kummerċ internazzjonali - tirrappreżenta 1/5 tat-total tal-kummerċ dinji - u bniet netwerk ta' relazzjonijiet ta' kummerċ madwar id-dinja. It-tkabbir suċċessiv tal-UE u l-konsolidazzjoni tas-suq uniku saħħew il-pożizzjoni tagħha, kemm f'negozjati bilaterali ma' pajjiżi terzi kif ukoll f'negozjati multilaterali mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO). Id-WTO hija punt fokali għall-politika dwar il-kummerċ tal-UE. Il-promozzjoni tal-kummerċ f'ambjent multilaterali ġust u bbażat fuq ir-regoli għall-benefiċċju tal-komunità internazzjonali huwa element essenzjali tal-politika tal-UE.
Fil-politika dwar il-kummerċ, il-Kummissjoni, b'mandat mill-Kunsill u f'konsultazzjoni ma' kumitat tal-Kunsill b'uffiċjali għolja tal-kummerċ imsejjaħ il- "Kumitat tal-Politika Kummerċjali", għandu r-responsabbiltà għan-negozjar u l-ġestjoni ta' ftehimiet dwar il-kummerċ li jinvolvu emendi ta' tariffi, dispożizzjonijiet ta' dwana u ta' kummerċ u miżuri ta' protezzjoni.
- Kooperazzjoni għall-iżvilupp
Il-politika tal-Unjoni dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha l-għan li tikkumplimenta l-politiki ta' żvilupp segwiti mill-Istati Membri. L-objettivi prinċipali tagħha huma l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari dak ta' dawk l-aktar żvantaġġati fosthom, kif ukoll l-integrazzjoni bla xkiel u gradwali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ekonomija dinjija u l-eradikazzjoni tal-faqar f'dawk il-pajjiżi. Fl-istess waqt, il-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandha l-għan li tirrinforza d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u l-promozzjoni tar-rispett għad-drittijeit tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Il-Kunsill jadotta leġislazzjoni f'dan il-qasam permezz ta' maġġoranza kwalifikata u f'kodeċiżjoni mal-Parlament Ewropew.
L-enfasi prinċipali fil-politika tal-UE dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp hija fuq il-kooperazzjoni mal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP). Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, iffirmat f'Kotonù fl-2000, jistabbilixxi l-qafas għar-relazzjonijiet ta' kummerċ tal-Unjoni u l-iżvilupp tal-kooperazzjoni ma' dawn il-pajjiżi.
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar fornituri fid-dinja tal-għajnuna għall-iżvilupp. L-għajnuna tal-UE hija amministrata mill-Kummissjoni, u hija ffinanzjata jew permezz tal-baġit tal-UE jew permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, fond speċjali ddedikat għall-iżvilupp fl-Istati AKP. L-UE hija wkoll is-sieħba ewlenija ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw f'termini ta' kummerċ u investimenti diretti.