Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Il-Kunsill


Il-Kunsill huwa korp wieħed, iżda għal raġunijiet marbutin mal-organizzazzjoni tal-ħidma tiegħu, jiltaqa' – skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss – f'"konfigurazzjonijiet" differenti, li jattendu għalihom il-Ministri mill-Istati Membri u l-Kummissarji Ewropej responsabbli mill-oqsma kkonċernati. Fis-snin disgħin kien hemm 22 konfigurazzjoni; dawn tnaqqsu għal 16 f'Ġunju tal-2000 u mbagħad għal 9 f'Ġunju tal-2002. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, hemm għaxar konfigurazzjonijiet. Madankollu, jibqa' Kunsill wieħed fis-sens li, irrispettivament mill-konfigurazzjoni tal-Kunsill li tadotta deċiżjoni, dik id-deċiżjoni hija dejjem deċiżjoni tal-Kunsill u ma jsir l-ebda aċċenn għall-konfigurazzjoni.  Is-sede tal-Kunsill hija fi Brussell, fejn jiltaqa' diversi drabi fix-xahar (f'April, Ġunju u Ottubru l-laqgħat isiru fil-Lussemburgu).

Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill jitħejjew minn struttura ta' aktar minn 150 grupp ta' ħidma u kumitati li jinkludu delegati mill-Istati Membri. Huma jsolvu kwistjonijiet tekniċi u jibagħtu d-dossier lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), magħmul mill-ambaxxaturi tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea, li jiżgura konsistenza fil-ħidma u jsolvi kwistjonijiet tekniċi-politiċi qabel ma jibgħat id-dossier lill-Kunsill.

Il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet b'vot tal-Ministri mill-Istati Membri. Hemm tliet tipi ta' voti li jiddependu mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat għas-suġġett li jkun qed jiġi ttrattat: maġġoranza sempliċi (għal deċiżjonijiet proċedurali), maġġoranza kwalifikata (sistema ta' votazzjoni skont il-piż ibbażata fuq il-popolazzjonijiet tal-Istati Membri; użata għal ħafna deċiżjonijiet li jikkonċernaw is-suq intern, l-affarijiet ekonomiċi u l-kummerċ) u l-unanimità (għall-politika estera, id-difiża, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, u t-tassazzjoni).

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea u f'assoċjazzjoni mal-Parlament Ewropew, jew permezz tal-proċedura ta' konsultazzjoni (eż. fl-oqsma tal-agrikoltura, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, u t-tassazzjoni) jew permezz ta' kodeċiżjoni (eż. is-suq intern).