Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Gwida għall-Proċedura Leġislattiva Ordinarja

Il-proċedura ta' kodeċiżjoni hija proċedura leġislattiva, stabbilita bit-Trattat ta' Maastricht, għal adozzjoni konġunta mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew ta' atti leġislattivi. It-Trattat ta' Amsterdam u t-Trattat ta' Nizza adattaw il-proċedura u estendew l-użu tagħha.

Waħda mill-aktar bidliet importanti li ġab miegħu t-Trattat ta' Lisbona hija l-espansjoni tal-kodeċiżjoni għal aktar minn 80 qasam tal-politika, biex b'hekk ġiet trasformata fil-prattika prinċipali tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, magħrufa bħala l-proċedura leġislattiva ordinarja (l-Artikolu 289 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea).

 

Il-proċedura leġislattiva ordinarja hija mniżżla fl-Artikolu 294 tat-TFUE u titmexxa kif ġej:

  • L-ewwel qari: 

Il-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġislattiva lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Iż-żewġ istituzzjonijiet imexxu l-ewwel qari – li huwa mingħajr limitu ta' żmien – u jekk il-Kunsill japprova l-pożizzjoni tal-PE fl-ewwel qari, jiġi adottat l-att leġislattiv.

  • It-tieni qari:

Jekk il-Kunsill jirrifjuta l-pożizzjoni tal-PE, huwa jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari u jippreżentaha lill-PE għat-tieni qari. Jekk il-PE japprova din il-pożizzjoni, l-att leġislattiv jiġi adottat. F'każ li jiġi rrifjutat, id-dossier jista' jerġa' jiġi eżaminat biss fuq il-bażi ta' proposta ġdida mill-Kummissjoni. Jekk il-PE jipproponi l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill, isir it-tieni qari tal-Kunsill. Jekk jiġu approvati l-emendi kollha, l-att jiġi adottat; f'każ ta' rifjut, jitlaqqa' l-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

  • Konċiljazzjoni:

Ir-rappreżentanti tal-PE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom sitt ġimgħat biex jilħqu qbil u japprovaw it-test konġunt. 

Spjegazzjoni aktar dettaljata tal-proċedura tingħata fil-Gwida għall-Proċedura Leġislattiva Ordinarja, li hija maħsuba biex tiffaċilita l-ħidma tal-Presidenza, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u d-delegazzjonijiet. Din tiddeskrivi fid-dettal kif titmexxa l-proċedura waqt kull fażi u tispjega r-rwoli rispettivi tal-Presidenza u s-Segretarjat Ġenerali.  L-annessi jinkludu d-Dikjarazzjoni konġunta dwar arranġamenti prattiċi għall-proċedura ta' kodeċiżjoni, bażijiet legali għall-proċedura leġislattiva ordinarja, il-limiti ta' żmien tal-proċedura u d-distribuzzjoni tal-kompiti fis-SĠK.

GOLP2011