Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
Ir-Regolament QFP jistabbilixxi l-ammonti massimi annwali - limiti massimi - li l-UE għandha l-permess tonfoq fuq oqsma ta' politika differenti - intestaturi - fuq perijodu ta' mhux inqas minn 5 snin. Huwa jistabbilixxi wkoll limitu massimu annwali globali għan-nefqa totali.
Iċ-ċiklu tal-baġit tal-QFP attwali huwa 2007-2013. Il-QFP il-ġdid propost jibda mill-2014 sal-2020.
1. X'inhuwa l-iskop tar-Regolament QFP?
L-iskop tar-Regolament QFP huwa li:
- jibdel il-prijoritajiet politiċi f'ċifri għaċ-ċiklu tal-baġit 2014-2020;
- jiżgura dixxiplina baġitarja għall-UE;
- jiffaċilita l-adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE permezz ta' qafas pluriennali.
Ir-Regolament QFP jiddefinixxi b'mod wiesa' l-aspett tan-nefqa tal-baġit annwali tal-UE aktar dettaljat. Fi proċedura annwali tal-baġit, jintlaħaq qbil dwar il-baġit tal-UE fil-limiti tan-nefqa tal-QFP, mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew abbażi tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea. Billi l-limiti massimi tal-QFP mhumiex objettivi ta' nefqa, il-baġit annwali tal-UE huwa normalment inqas mil-limiti massimi ta' nefqa fir-Regolament QFP. L-unika eċċezzjoni hija l-politika ta' koeżjoni fejn il-limitu massimu tal-QFP huwa normalment ikkunsidrat bħala objettiv ta' nefqa.
Numru ta' strumenti tal-baġit huma attwalment imqiegħda barra l-QFP
Il-QFP mhuwiex l-istess bħall-baġit annwali tal-UE.
Il-baġit annwali tal-UE għandu dejjem jibqa' anqas mil-limiti massimi ta' nefqa stabbiliti fir-Regolament QFP.
2. X'inhuma l-limiti massimi ta' nefqa u l-intestaturi fir-Regolament QFP?
Ir-Regolament QFP jistabbilixxi limiti massimi għal 2 tipi ta' nefqiet annwali:
- impenji - wegħdiet legali li jintefqu flus li mhux bilfors jitħallsu fl-istess sena iżda jistgħu jitħallsu fuq diversi snin finanzjarji;
- ħlasijiet - l-ammonti attwali li għandhom jitħallsu f'sena partikolari.
Hemm 2 tipi ta' limiti massimi ta' nefqiet:
- limitu massimu għal kull intestatura fl-impenji;
- limitu massimu globali għan-nefqa totali f'impenji u ħlasijiet. Il-limitu massimu globali f'impenji huwa ekwivalenti għas-somma ta' limiti massimi għall-intestaturi individwali.
Il-marġini disponibbli taħt intestatura waħda ma jistax jintuża għal nefqa taħt intestatura differenti sakemm ma jiġix rivedut il-QFP.

Barra minn hekk, il-QFP attwali fih sub-intestaturi u sub-limiti massimi.
3. X'inhuwa l-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq ir-Regolament QFP?
It-Trattat ta' Lisbona introduċa rekwiżit li l-qafas finanzjarju pluriennali jiġi stabbilit f'regolament. L-erba' oqfsa finanzjajri pluriennali preċedenti (mill-1988) kienu parti mill-ftehimiet interistituzzjonali bejn il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni.
Regolament huwa liġi li hija applikabbli u vinkolanti direttament fl-Istati Membri kollha, filwaqt li l-ftehimiet interistituzzjonali huma vinkolanti biss għall-partijiet kontraenti.
Aqra aktar:
Il-limiti massimi ta' nefqa tal-QFP proposti mill-Kummissjoni għall-2014-2020