Coreper I

Il-Coreper huwa l-korp preparatorju ewlieni tal-Kunsill

Il-Coreper I hu magħmul mill-viċi rappreżentanti permanenti ta' kull pajjiż. Il-laqgħat tiegħu huma ppreseduti mill-viċi rappreżentant permanenti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

Rwol

Il-Coreper I iħejji l-ħidma ta' sitt konfigurazzjonijiet tal-Kunsill:

  • agrikoltura u sajd (kwistjonijiet finanzjarji jew miżuri tekniċi dwar leġislazzjoni veterinarja, fitosanitarja jew alimentari biss)
  • kompetittività
  • edukazzjoni, żgħażagħ, kultura u sport
  • impjiegi, politika soċjali, saħħa u affarijiet tal-konsumatur
  • ambjent
  • trasport, telekomunikazzjoni u enerġija

Il-ħidma tal-Coreper I titħejja mill-'Grupp Mertens'. Dan il-grupp informali jgħin biex tiġi fformulata l-idea inizjali tal-pożizzjonijiet li d-delegazzjonijiet tad-diversi Stati Membri ser jieħdu fil-laqgħa tal-Coreper.

X'inhu l-Coreper?

Coreper tfisser il-'Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea'. Ir-rwol u l-formazzjonijiet differenti tiegħu huma spjegati fl-artikolu 240(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Il-Coreper huwa l-korp preparatorju ewlieni tal-Kunsill. Il-punti kollha li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tal-Kunsill (minbarra xi materji agrikoli) iridu l-ewwel jiġu eżaminati mill-Coreper, dment li ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill.

Dan mhuwiex korp ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u kwalunkwe qbil milħuq minnu jista' jerġa' jiġi kkunsidrat mill-Kunsill, li waħdu għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet.

Kompiti ewlenin

  • jikkoordina u jħejji l-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill
  • jiżgura konsistenza fil-politiki tal-UE
  • ifassal ftehimiet u kompromessi li wara jiġu ppreżentati għall-adozzjoni mill-Kunsill

Kompożizzjoni u konfigurazzjonijiet

Il-Coreper hu magħmul mir-'rappreżentanti permanenti' minn kull stat membru, li, effettivament, huma l-ambaxxaturi ta' pajjiżhom għall-UE. Dawn jesprimu l-pożizzjoni tal-gvern tagħhom.

Iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Coreper (Coreper I u II) jiltaqgħu kull ġimgħa.