Programm ta' azzjoni pożittiva għal trainees b'diżabilità

Applika issa

Il-perjodu ta' applikazzjoni huwa miftuħ minn:

  • 12:00 CET, 31 ta' Awwissu 2020, sa
  • 12:00 CET, 28 ta' Settembru 2020

Għal:

  • traineeships imħallsa
  • traineeships obbligatorji mingħajr ħlas
  • il-programm ta' azzjoni pożittiva għal trainees b'diżabbiltà (bi ħlas)

Ċaħda ta' responsabbiltà dwar il-COVID-19: l-organizzazzjoni tat-traineeships hija attwalment affettwata mill-pandemija tal-COVID-19. Għal aktar informazzjoni ara hawn taħt.

F'daqqa t'għajn

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jiggarantixxi minn 4 sa 6 traineeships imħallsa fis-sena lil ċittadini tal-UE b'diżabilità rikonoxxuta. Il-kandidati jrid ikollhom lawrja universitarja jew ikunu studenti tat-tielet sena (jew ekwivalenti) ta' stabbiliment ta' edukazzjoni għolja.

It-traineeships isiru f'żewġperjodi, ta' 5 xhur kull wieħed:

  • mill-1 ta' Frar sat-30 ta' Ġunju (l-ewwel perjodu)
  • mill-1 ta' Settembru sal-31 ta' Jannar (it-tieni perjodu)

Il-lista ta' oqsma hija disponibbli permezz tal-formola ta' applikazzjoni.

Il-kandidati b'diżabilità huma mistiedna japplikaw simultanjament għal tipi oħra ta' traineeship jekk jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà.

Applikazzjoni

L-applikazzjonijiet huma miftuħa għal perjodu limitat - jekk jogħġbok ħares lejn il-kaxxa Applika issa fin-naħa ta' fuq tal-paġna. Trid tapplika billi tuża s-sistema online. Matul ir-reġistrazzjoni ser tintalab ittella' dokument uffiċjali minn awtorità nazzjonali jew kwalunkwe korp akkreditat li jikkonferma d-diżabilità tiegħek.

Il-formola tal-applikazzjoni hija disponibbli bl-Ingliż u bil-Franċiż. Sabiex tapplika, irid ikollok għarfien sfiq ta' waħda minn dawn iż-żewġ lingwi (livell C skont il-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għal-Lingwi).

Jekk teħtieġ arranġamenti speċjali matul il-proċess ta' applikazzjoni minħabba diżabilità, jekk jogħġbok ikkuntattja l-uffiċċju tat-traineeships, billi tuża l-indirizz elettroniku li ġej: [email protected]

Akkomodazzjoni raġonevoli

Akkomodazzjoni raġonevoli tippermetti lil persuni b'diżabilità jwettqu impjieg fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor. Il-persuni b'diżabilità għandhom id-dritt għal akkomodazzjoni raġonevoli sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq min iħaddem.

Fis-SĠK, akkomodazzjoni raġonevoli tista' tinkludi għoti jew modifika ta' tagħmir jew apparat tekniku, aġġustament ta' politika jew prattika, eċċ. M'hemm l-ebda soluzzjoni li hi tajba għal kulħadd. Biex tiġi pprovduta l-akkomodazzjoni xierqa, jeħtieġ b'hekk eżami skont il-każ.

Sabiex titlob akkomodazzjoni raġonevoli, jekk jogħġbok ibgħat messaġġ lil [email protected] ladarba tkun tfajt l-applikazzjoni tiegħek. It-talba għandha tiddeskrivi l-arranġamenti ta' akkomodazzjoni raġonevoli li jkollok bżonn matul it-traineeship u tkun akkumpanjata minn ġustifikazzjoni dokumentata tal-ħtieġa għal arranġamenti ta' akkomodazzjoni raġonevoli. Jekk jogħġbok indika ismek sħiħ u n-numru tal-kandidat li rċivejt meta bgħatt l-applikazzjoni tiegħek.

It-talba tiegħek għal akkomodazzjoni raġonevoli ser tiġi ttrattata mill-uffiċċju tal-opportunitajiet indaqs u mhux ser tkun viżibbli lill-uffiċċju tat-traineeships.

L-indirizz fil-profil tiegħek

Jekk jogħġbok avża lill-uffiċċju tat-traineeships bi kwalunkwe bidla ta' indirizz. Dan l-indirizz ser jintuża kemm fl-offerta ta' traineeship kif ukoll għall-ipproċessar amministrattiv tal-fajl tiegħek, u ser jitqies bħala l-post tar-reklutaġġ tiegħek.

Emails mill-uffiċċju tat-traineeships jew "Traineeship" spiss jispiċċaw fil-folder tal-ispam, allura jekk jogħġbok iċċekkjah regolarment għal messaġġi li jidħlu minn "Traineeship".

X'ser ikollok bżonn jekk tintgħażel?

  • kopja li tista' tinqara tal-passaport jew tal-karta tal-identità tiegħek
  • kopja tad-diplomi jew taċ-ċertifikati uffiċjali tiegħek
  • fejn meħtieġ, prova tal-esperjenza professjonali tiegħek
  • prova jew dikjarazzjoni sostanzjata tal-għarfien tiegħek tal-lingwi indikati fil-formola tal-applikazzjoni

Proċedura tal-għażla

Il-kandidati magħżulin għall-ewwel perjodu ser jiġu kkuntattjati sa Diċembru, il-kandidati magħżulin għat-tieni perjodu ser jiġu kkuntattjati sa Ġunju.

Kandidati li jintgħażlu

Jekk tintgħażel, tirċievi offerta bl-email li tindika l-perijodu tat-traineeship tiegħek u d-dipartiment fejn tkun ser taħdem. Tintalab tipprovdi ċerti dokumenti bl-email biex tagħti prova tal-informazzjoni fil-formola tal-applikazzjoni.

Ma tiġix aċċettat jekk ma tipprovdix id-dokumenti kollha mitluba. Tkun trid tagħti prova tal-informazzjoni kollha fil-formola tal-applikazzjoni tiegħek (edukazzjoni, esperjenza professjonali, għarfien tal-lingwi). Għalhekk fil-formola tal-applikazzjoni għandek tinkludi biss informazzjoni li għaliha għandek dokumenti ta' prova.

Wara verifika tad-dokumenti ta' prova, l-uffiċċju tat-traineeships jibgħatlek ftehim ta' traineeship biex tiffirmah.

Kandidati li ma jintgħażlux

Il-kandidati mhux magħżula jiġu infurmati bl-email wara li tintemm il-proċedura tal-għażla.

Jekk tkun interessat/a fi traineeship futur fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE u tkun għadek tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni tista' terġa' tapplika għall-perjodu ta' traineeship li jmiss.

Kuntatt

Għal aktar tagħrif tista' tikkuntattja lill-uffiċċju tat-traineeships:

Informazzjoni importanti għall-kandidati li japplikaw għal traineeship dwar l-implikazzjonijiet tal-COVID-19 fuq l-applikazzjoni tagħhom u l-eżerċizzju tat-traineeship

L-organizzazzjoni tat-traineeships hija attwalment affettwata mill-pandemija tal-COVID-19. Minħabba l-inċertezza dwar kif ser tevolvi s-sitwazzjoni, ma nistgħux niggarantixxu li t-traineeships isiru kif ippjanat. L-arranġamenti ta' ħidma stabbiliti mis-SĠK jiddependu wkoll mill-miżuri meħuda mill-gvern federali Belġjan.

L-Uffiċċju tat-Traineeships huwa ħerqan biex jiżgura li l-esperjenza ta' traineeship tkun ta' benefiċċju kemm għat-trainees kif ukoll għas-SĠK. Peress li s-SĠK ma jistax jiggarantixxi minn qabel li l-kundizzjonijiet tal-ivvjaġġar u tax-xogħol ser ikunu tali li jagħmlu possibbli esperjenza reali ta' traineeship, jistgħu jsiru bidliet fil-proċedura tal-għażla u l-perjodi ta' traineeships. Il-kandidati jiġu infurmati bi kwalunkwe bidliet ta' dan it-tip meta jkun il-waqt.