Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur, (Impjiegi u Politika Soċjali) 15/03/2019

Riżultati ewlenin

Impjiegi u Politika Soċjali

Il-ministri kellhom dibattitu ta' orjentazzjoni dwar is-Semestru Ewropew 2019, abbażi ta' nota ta' gwida tal-Presidenza bl-isem "Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali – inizjattiva għat-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali fl-UE kollha".

B'rabta ma' dan id-dibattitu dwar is-Semestru Ewropew, il-Kunsill adotta r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2019 (JER). Dan ir-rapport ser jiġi ppreżentat lill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Marzu, f'konformità mal-Artikolu 148(1) TFUE, sabiex "jikkonsidra il-qagħda tal-impjieg" u "jadotta konklużjonijiet" dwarha.

Bħala parti mill-istess dibattitu, il-ministri adottaw Konklużjonijiet dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 u r-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Il-Konklużjonijiet ser jikkontribwixxu għall-messaġġi ewlenin mill-Kunsill EPSCO lill-Kunsill Ewropew tal-21 u t-22 ta' Marzu.

Is-sitwazzjoni soċjali fl-Ewropa li qed titjieb hija waħda li qed tagħmlilna ħafna kuraġġ. Fl-UE qed naraw rata għolja ta' impjiegi li hija rekord u li tinsab lura fil-livelli ta' qabel il-kriżi. Iżda m'għandniex inkunu kompjaċenti. Jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex nindirizzaw l-isfidi serji bħad-differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri u r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'xi nħawi.

Marius-Constantin Budăi, Ministru għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali tar-Rumanija

Bħala parti mis-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni ppreżentat ir-Rapporti tal-Pajjiżi 2019. Din il-preżentazzjoni ser tkun segwita mill-proposta tal-Kummissjoni dwar l-abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mistennija f'Mejju 2019.

Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali parzjali (il-pożizzjoni tal-Kunsill) dwar proposta għal Regolament dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). Il-fond huwa mfassal biex jappoġġa Stati Membri meta jseħħu avvenimenti ta' ristrutturar kbar mhux mistennija, partikolarment avvenimenti kkawżati mill-isfidi marbuta mal-globalizzazzjoni. Il-pożizzjoni tal-Kunsill ma tkoprix l-aspetti baġitarji jew id-dispożizzjonijiet ta' natura orizzontali, qabel ma jkun hemm aktar progress fuq il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss.

Il-ministri kellhom dibattitu waqt l-ikla ta' nofsinhar, abbażi tan-nota ta' gwida mill-Presidenza. Is-suġġett kien l-iżvilupp tal-ħiliet għall-adulti - prijorità fil-kuntest ta' bidliet soċjoekonomiċi fl-UE.

Il-Kunsill kellu wkoll dibattitu ta' orjentazzjoni dwar id-Dimensjoni soċjali tal-Ewropa wara l-2020 abbażi ta' dokument ta' diskussjoni tal-Presidenza.

Affarijiet oħra

Il-ministri ġew mgħarrfa mill-Presidenza u mill-Kummissjoni dwar is-Summit Soċjali Tripartitiku li ser isir fl-20 ta' Marzu. It-tema ewlenija tas-summit ser tkun "Għal Ewropa aktar b'saħħitha, magħquda u li tħares 'il quddiem".

Il-Presidenza għarrfet ukoll lill-Ministri dwar għadd kbir ta' proposti leġislattivi attwali fl-oqsma tal-impjiegi, il-liġi tax-xogħol u s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol:

Il-Kummissjoni infurmat lill-Ministri dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI). L-Istati Membri suppost jiffinalizzaw l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom tal-EESSI sa Lulju 2019.

Il-Presidenti tal-Kumitat tal-Impjiegi (EMCO) u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali (SPC) ippreżentaw lill-ministri l-programmi ta' ħidma tal-kumitati rispettivi tagħhom għall-2019.