• Kunsill tal-UE

Vidjokonferenza informali tal-ministri għall-edukazzjoni, 19 ta' Frar 2021

Riżultati ewlenin

Il-ministri għall-edukazzjoni ltaqgħu fid-19 ta' Frar 2021 permezz ta' vidjokonferenza biex jiddiskutu kif l-aħjar jiġu indirizzati l-isfidi persistenti fl-aċċess indaqs, l-inklużjoni u s-suċċess edukattiv għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-presidenza infurmat lill-ministri dwar l-isforzi għall-istabbiliment ta' qafas ġdid ta' kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ sal-2030, inkluż il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni. Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar l-inizjattiva tagħha li tniedi pjattaforma online li tiffaċilita l-iskambju ta' data bejn l-istati membri dwar kif jindirizzaw il-pandemija tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ.

Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall

It-titjib fl-ekwità tal-aċċess u fl-inklużjoni għal kulħadd fl-edukazzjoni huwa kwistjoni, sforz u objettiv bla waqfien. Id-diskussjonijiet tal-lum huma bażi eċċellenti għat-tiġdid tal-impenn politiku tagħna lejn dan l-objettiv: il-pjan tagħna hu li nadottaw konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett fil-laqgħa tagħna li jmiss f'Mejju. Issa għandna diversi skemi ta' finanzjament tal-UE għad-dispożizzjoni tagħna, bħall-Erasmus+ u l-Faċilità ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li jistgħu jipprovdu l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex nibdew nimplimentaw l-azzjonijiet u r-riformi.

Tiago Brandão Rodrigues, Ministru għall-Edukazzjoni tal-Portugall

F'sessjoni pubblika, il-ministri kellhom skambju ta' fehmiet dwar l-aħjar prattiki ta' politika u qasmu riżultati eżemplari għall-kisba tal-ekwità fl-aċċess u tal-inklużjoni għal kulħadd fl-edukazzjoni fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u dak lokali. Diversi ministri tennew l-impatt qawwi tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni, saħqu fuq l-importanza tat-tagħlim wiċċ imb'wiċċ u ffukaw fuq il-ħtieġa ta' aktar promozzjoni tal-edukazzjoni preprimarja. Il-ministri enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal u l-adulti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, għall-immigranti u r-refuġjati, u għal dawk f'riskju ta' esklużjoni soċjali. Wara dan id-dibattitu politiku, il-presidenza ser taħdem mal-istati membri għall-adozzjoni ta' konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan is-suġġett matul il-laqgħa li jmiss tal-ministri għall-edukazzjoni f'Mejju 2021.

Il-presidenza infurmat ukoll lill-ministri dwar riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030). Il-Kunsill approva din ir-riżoluzzjoni fit-18 ta' Frar 2021 permezz ta' proċedura bil-miktub. Il-presidenza enfasizzat il-ħames prijoritajiet strateġiċi tar-riżoluzzjoni flimkien:

  • It-titjib tal-kwalità, l-ekwità, l-inklużjoni u s-suċċess għal kulħadd fl-edukazzjoni u t-taħriġ.
  • Li t-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà jsiru realtà għal kulħadd.
  • Jittejbu l-kompetenzi u l-motivazzjoni fil-professjoni tal-edukazzjoni.
  • Tissaħħaħ l-edukazzjoni għolja Ewropea.
  • Jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll permezz tagħhom.

Ir-riżoluzzjoni tinkludi suġġerimenti għal azzjonijiet konkreti għall-ħames prijoritajiet kollha kif ukoll xi miri indikattivi fil-livell tal-UE bħal: anqas studenti b'kisbiet baxxi f'ħiliet bażiċi u diġitali, studenti li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni (anqas minn 9% fl-2030), sehem akbar ta' kisbiet fil-livell terzjarju, u oħrajn.

Is-sedja infurmat ukoll lill-ministri dwar l-inizjattiva tal-presidenza li tniedi pjattaforma online għall-iskambju ta' data bejn l-istati membri dwar kif l-aħjar jindirizzaw l-isfidi mill-pandemija tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-presidenza qasmet l-ewwel analiżi tad-data miġbura permezz tal-pjattaforma b'enfasi fuq il-progress li sar f'oqsma bħad-diġitalizzazzjoni iżda wkoll dwar kif l-iskejjel madwar l-istati membri sabu soluzzjonijiet għal-limitazzjonijiet tal-pandemija billi pprovdew għodod innovattivi, riżorsi edukattivi miftuħa u eżempji prattiċi.