• Kunsill tal-UE

Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun - ir-Raba' Konferenza ta' Brussell, 30 ta' Ġunju 2020

Il-Konferenza ta' Brussell iżżomm il-kunflitt Sirjan fuq nett fl-aġenda internazzjonali

Riżultati ewlenin

Logo tal-konferenza

L-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ppresedew flimkien ir-raba' Konferenza ta' Brussell dwar l-"Appoġġ għall-futur tas-Sirja u r-reġjun", li saret mit-22 sat-30 ta' Ġunju 2020. Minħabba l-miżuri ta' tbegħid soċjali meħtieġa, il-Konferenza saret f'format virtwali.

Nhar it-Tlieta 30 ta' Ġunju, 80 pajjiż, organizzazzjonijiet internazzjonali, l-UE u aġenziji tan-NU ngħaqdu flimkien biex jipparteċipaw fil-konferenza internazzjonali u fis-segment ministerjali ta' livell għoli tagħha.

Il-Konferenza ta' Brussell iżżomm il-kunflitt Sirjan fuq nett fl-aġenda internazzjonali. Irridu nagħmlu aktar biex intemmu t-tbatija tal-poplu Sirjan. L-ewwel u qabel kollox, neħtieġu soluzzjoni politika għall-kriżi.: Wasal iż-żmien li niżblukkaw it-taħdidiet ta' Ġinevra, noħolqu soluzzjoni politika u nwasslu paċi inklużiva għas-Sirja. Aħna ser inkomplu wkoll nirrispondu għall-ħtiġijiet umanitarji enormi persistenti.

Josep Borrell Fontelles, Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni

Il-konferenza rnexxielha timmobilizza għajnuna lis-Sirjani ġewwa l-pajjiż u fil-pajjiżi ġirien, inkluż għall-komunitajiet ospitanti, permezz ta' wegħdiet b'total ta' US$ 5.5 biljun (€ 4.9 biljun) għall-2020, u wegħdiet pluriennali li jqarrbu US$ 2.2 biljun (€ 2 biljun) għall-2021 u lil hinn.

Il-kopresidenti adottaw dikjarazzjoni konġunta:

Il-livell għoli ta' parteċipazzjoni jwassal messaġġ lis-Sirjani, ikunu fejn ikunu, li d-dinja ma nsiethomx u li d-dinja ser tagħtihom l-appoġġ. Dan huwa importanti fiċ-ċirkostanzi attwali fejn il-kunflitt ilu għaddej għal kważi għaxar snin.

Mark Lowcock, Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza

Bil-kunflitt dieħel fl-għaxar sena tiegħu, is-sitwazzjoni fis-Sirja u r-reġjun għadha kritika ħafna: is-sitwazzjoni umanitarja gravi, b'miljuni ta' Sirjani spustati internament u li fittxew rifuġju fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja, issa qed tkompli tmur għall-agħar bil-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19.

F'dan il-kuntest, ir-Raba' Konferenza ta' Brussell kienet opportunità biex tiġbor l-atturi rilevanti kollha biex tindirizza b'mod effettiv is-sitwazzjoni attwali, toffri appoġġ kontinwu lill-isforzi tan-NU għal soluzzjoni politika komprensiva għall-kunflitt Sirjan, timmobilizza l-appoġġ finanzjarju meħtieġ għas-Sirja u għall-pajjiżi ġirien li jospitaw refuġjati Sirjani, kif ukoll tkompli u tapprofondixxi d-djalogu tagħna mas-soċjetà ċivili.

Il-Konferenza enfasizzat ukoll l-importanza tas-solidarjetà murija mill-pajjiżi u l-komunitajiet ospitanti fil-Libanu, il-Ġordan u t-Turkija, kif ukoll pajjiżi ospitanti oħra fir-reġjun bħall-Eġittu u l-Iraq waqt li tissottolinja l-isfidi li jiffaċċjaw fi żmien medju u fit-tul.

Programm tar-Raba' Konferenza Ministerjali ta' Brussell - 30 ta' Ġunju 2020

10:00 Ċerimonja tal-ftuħ

11:00 L-ewwel sessjoni plenarja

12:30 Konferenza Stampa

14:30 It-tieni sessjoni plenarja

16:15 It-tielet sessjoni plenarja

17:45 Tħabbir tal-wegħdi

Jiem ta' Djalogu

Il-Jiem ta' Djalogu saru fit-22 u t-23 ta' Ġunju u xxandru fuq l-internet. L-attività laqqgħet flimkien lis-soċjetà ċivili, NGOs, organizzazzjonijiet internazzjonali, pajjiżi li jospitaw refuġjati, l-UE u l-komunità tan-NU.

Tista' tipprova l-links taħt il-kronoloġija hawn taħt għar-reġistrazzjonijiet tax-xandiriet fuq l-internet.

Ritratt mill-wirja virtwali

Vuċijiet mis-Sirja u r-Reġjun hija wirja virtwali b'ritratti u filmati ta' Sirjani, Ġordaniżi, Libaniżi u Iraqqini li l-ħajja tagħhom ġiet sospiża mill-gwerra fis-Sirja.

Attivitajiet paralleli

Għadd ta' attivitajiet paralleli saru fil-marġini tar-Raba' Konferenza ta' Brussell, mibdija u organizzati minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, pajjiżi parteċipanti, l-UE u n-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali.

22/06/2020

Jiem ta' Djalogu

10:00

L-Ewwel Panel

Il-bini tal-futur tas-Sirja: ir-rwol tan-nisa, taż-żgħażagħ u tas-soċjetà ċivili

15:00

It-Tieni Panel

Ir-rispons u l-irkupru reġjonali quddiem il-coronavirus

23/06/2020

10:00

It-Tielet Panel

Il-protezzjoni u l-appoġġ lill-popolazzjoni spostata tas-Sirja

15:00

Ir-Raba' Panel

Ħtiġijiet immedjati fir-rispons għas-sitwazzjoni umanitarja (għajnuna, saħħa, protezzjoni)

24/06/2020

Attivitajiet sekondarji fir-Raba' Konferenza ta' Brussell

Organizzata mill-Istati Membri tal-UE, l-aġenziji tan-NU u sħab uffiċjali oħra

10:00

L-inklużjoni tan-nisa fil-bini tal-futur tas-Sirja: nimmaġinaw paċi femminista

Żvezja

15:00

Ir-riperkussjonijiet tal-gwerra: il-konsegwenzi reġjonali tal-konflitt fis-Sirja

Il-Bank Dinji

19:00
Damast Duo

Kunċert fil-marġini tar-Raba' Konferenza ta' Brussell IV

BOZAR

25/06/2020

09:30

Il-bini tal-futur: ir-rwol kruċjali taż-żgħażagħ u l-appoġġ għas-saħħa mentali u psikosoċjali fir-rispons għall-kriżi fis-Sirja

Ġermanja - In-Netherlands

13:00

Ir-reżiljenza tal-pajjiżi ġirien tas-Sirja: tagħlimiet meħuda u soluzzjonijiet dejjiema

UNDP - Finlandja

16:00

Appoġġ għar-reżiljenza tas-Sirja: minn ħajjiet salvati għal ħajjiet sostnuti

Renju Unit

26/06/2020

09:00

Tfal ta' Al-Hol: għaliex huwa importanti li jiġu protetti d-drittijiet tat-tfal

Parlament Ewropew

15:00

Niżguraw l-irfigħ tar-responsabbiltà u l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fis-Sirja

Stati Uniti tal-Amerka

29/06/2020

10:00

Għall-futur tas-Sirja: nindirizzaw is-sitwazzjoni tal-persuni detenuti u nieqsa

Żvizzera - KISA

11:30

Inħarsu, nedukaw u nagħtu widen lil leħen it-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ tas-Sirja

No Lost Generation - Lussemburgu

13:30

Tfal tas-Sirja - Iġorru l-piż ta' 9 snin ta' gwerra

Belġju

15:00

Tibdil fir-riżultati soċjoekonomiċi mindu feġġet il-pandemija tal-COVID-19 għar-refuġjati Sirjani u l-komunitajiet ospitanti: diskussjoni ta' metodoloġiji u riżultati inizjali

UNHCR - Bank Dinji

19:00

Konverżazzjonijiet fil-marġini tar-Raba' Konferenza ta' Brussell

BOZAR

30/06/2020

Ir-Raba' Konferenza Ministerjali ta' Brussell

11:00
14:30
16:15

Konsultazzjonijiet virtwali tas-soċjetà ċivili

Minħabba l-miżuri ta' tbegħid soċjali fis-seħħ fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani, din is-sena l-konsultazzjonijiet mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili attivi fis-Sirja, il-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u postijiet oħra fir-reġjun saru online qabel il-konferenza.

L-għan ta' dawn il-konsultazzjonijiet huwa li jinġabru rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet ewlenin li jaffettwaw lill-poplu Sirjan u s-soluzzjonijiet possibbli tagħhom, sabiex jiġi ssimplifikat ir-rispons tal-komunità internazzjonali għall-konflitt u jiġu mobilizzati r-riżorsi meħtieġa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ser jikkontribwixxu għall-Avveniment ministerjali fit-30 ta' Ġunju.

Stħarriġ online tnieda u dam miftuħ ġimagħtejn – mit-28 ta' Mejju sat-8 ta' Ġunju – biex jinġabru rakkomandazzjonijiet minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati tas-soċjetà ċivili.

Il-kontributi għall-istħarriġ online, flimkien mad-diskussjonijiet immirati mas-sħab lokali tal-UE u tan-NU fis-Sirja u fir-reġjun jikkostitwixxu s-sinsla ta' dawn il-konsultazzjonijiet.

Barra minn hekk, qed jinġabar repożitorju online tar-rapporti, id-dokumenti ta' politika, u kitbiet oħra tas-soċjetà ċivili u ta' partijiet ikkonċernati oħra li huma rilevanti għar-Raba' Konferenza ta' Brussell. Ir-repożitorju ser ikun aċċessibbli pubblikament minn din il-paġna web.

Jekk tixtieq li r-rapport reċenti tal-organizzazzjoni tiegħek jidher fir-repożitorju tagħna, jekk jogħġbok ibgħat il-fajl (mhux akbar minn 2MB) lill-indirizz elettroniku ta' kuntatt ta' hawn taħt.

Il-kriżi umanitarja tas-Sirja: fatti u ċifri

L-impatt umanitarju tal-kriżi fis-Sirja għadu kbir u mifrux:

  • 11.1 miljuni jeħtieġu għajnuna umanitarja
  • 6.5 miljuni ma għandhomx sigurtà tal-ikel
  • aktar minn 12-il miljun ġew sfurzati jiċċaqilqu ġewwa u barra s-Sirja
  • skola minn kull tlieta ġarrbet ħsara jew inqerdet
  • 50% tal-faċilitajiet kollha tas-saħħa huma magħluqa jew qed jiffunzjonaw parzjalment

Informazzjoni ġenerali

Konferenzi preċedenti

Il-Konferenza ta' Brussell tal-2019 irnexxielha timmobilizza għajnuna lis-Sirjani ġewwa l-pajjiż u fil-pajjiżi ġirien, inkluż għall-komunitajiet ospitanti. L-UE u d-donaturi internazzjonali wiegħdu:

  • €6.2 biljun għall-2019
  • 2.4 biljun għall-2020 u lil hinn

Fl-2018 id-donaturi wiegħdu:

  • €3.5 biljun għall-2018
  • €2.7 biljun għall-2019-2020

Fl-2017:

  • €5.6 biljun f'għajnuna għall-2017
  • €3.47 biljun f'għajnuna għall-2018-2020

Ir-reazzjoni tal-UE għall-kriżi Sirjana

Minn meta faqqa' l-kunflitt fl-2011, l-UE u l-Istati Membri tagħha mmobilizzaw aktar minn €20 biljun f'għajnuna umanitarja u assistenza għall-istabbilizzazzjoni. Huma d-donaturi prinċipali fis-Sirja u r-reġjun.

L-UE tibqa' impenjata li ssib soluzzjoni politika sostenibbli għall-konflitt fis-Sirja skont il-qafas eżistenti maqbul fin-NU.

Kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fit-3 ta' April 2017, l-UE tqis li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-konflitt u tappoġġa bil-qawwa l-ħidma tal-Mibgħut Speċjali tan-NU u t-taħditiet intra-Sirjani f'Ġinevra.

Il-Kunsill adotta l-istrateġija tal-UE dwar is-Sirja fit-3 ta' April 2017, qabel l-ewwel konferenza ta' Brussell. Din tiddeskrivi l-objettivi strateġiċi tal-UE fis-Sirja f'sitt oqsma ewlenin.

Għal aktar informazzjoni