Mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru, Pariġi kienet qed tospita l-21 sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u l-11-il sessjoni tal-laqgħa tal-partijiet għall-Protokoll ta’ Kjoto (CMP 11).
Fit-12 ta’ Diċembru, il-partijiet laħqu ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima. Il-ftehim jippreżenta riżultat ibbilanċjat bi pjan ta’ azzjoni biex it-tisħin globali jinżamm 'sew taħt' iż-2°C.
Carole Dieschbourg, il-Ministru Lussemburgiż għall-Ambjent li għandha l-presidenza tal-Kunsill, qalet: "Illum għandna għalxiex inkunu kburin. Ilħaqna qbil fuq l-ewwel ftehim universali u legalment vinkolanti dwar il-klima, li jqiegħed lid-dinja fit-triq it-tajba biex jiġi evitat tibdil perikoluż fil-klima. Dan huwa pjan direzzjonali għal dinja aħjar, aktar ġusta u aktar sostenibbli. L-UE ġġieldet biex dan il-ftehim ikun b'saħħtu kemm jista’ jkun. Matul dawn in-negozjati aħna bnejna b'suċċess il-pont li wassal għal dan ir-riżultat. Iżda ejjew ma ninsewx li Pariġi hu biss il-bidu ta’ vjaġġ twil. Flimkien mal-partijiet interessati - l-NGOs kollha, il-komunità tan-negozju u kull ċittadin -issa ser ikollna r-responsabbiltà li nsarrfu dan il-ftehim f’azzjonijiet.”
Donald Tusk, il-President tal-Kunsill Ewropew, ingħaqad ma’ 150 mexxej ieħor għaċ-ċerimonja tal-ftuħ li saret fit-30 ta’ Novembru 2015. F’Settembru ta’ din is-sena, il-Kunsill adotta b'mod formali pożizzjoni ta’ negozjar għall-konferenza.
L-elementi ewlenin tal-Ftehim ta’ Pariġi l-ġdid:
- l-għan fit-tul: il-gvernijiet qablu li ż-żieda fit-temperatura medja globali tinżamm sew taħt iż-2°C 'l fuq mil-livelli preindustrijali u li jwettqu sforzi biex jillimitawha għal 1.5°C
- il-kontributi: qabel u matul il-konferenza ta’ Pariġi l-pajjiżi ppreżentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali komprensivi dwar il-klima biex inaqqsu l-emissjonijiet tagħhom
- l-ambizzjoni: il-gvernijiet qablu li kull 5 snin jikkomunikaw dak li jkunu kkontribwew sabiex jistabbilixxu miri aktar ambizzjużi
- it-trasparenza huma aċċettaw ukoll li jinfurmaw lil xulxin u lill-pubbliku bil-progress li jkunu qegħdin iwettqu fl-implimentazzjoni tal-miri tagħhom, biex b'hekk jiżguraw it-trasparenza u s-sorveljanza
- is-solidarjetà: l-UE u pajjiżi żviluppati oħrajn ser jibqgħu jipprovdu finanzjament għall-klima lill-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw kemm biex jgħinuhom inaqqsu l-emissjonijiet kif ukoll biex isiru aktar reżiljenti għall-impatti tat-tibdil fil-klima
L-iżvilupp tal-pożizzjoni tal-UE dwar it-tibdil fil-klima
Skopri aktar dwar l-attivitajiet tal-Kunsill fuq it-tibdil fil-klima.
12/12/2015
F'Pariġi jintlaħaqftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima.
10/11/2015
Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji adotta konklużjonijiet dwar il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
18/09/2015
Il-Kunsill Ambjent adotta konklużjonijiet li jistabbilixxu l-pożizzjoni tal-UE għall-konferenza tan-NU dwar it-tibdil fil-klima f’Pariġi.
06/03/2015
L-UE ppreżentat il-kontribut maħsub tagħha ddeterminat fuq livell nazzjonali (INDC) lis-segretarjat tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC).
23/10/2014
Il-Kunsill Ewropew qabel dwar il-qafas għall-klima u l-enerġija 2030 għall-UE.