Xi jfisser li jkollok
il-presidenza tal-Kunsill
tal-UE?
⸺
Aktar milli taħseb int!
Il-presidenza tal-Kunsill tal-UE hija rwol vitali għall-istabbiltà u t-tmexxija tal-Ewropa. U l-presidenza hija f'idejn pajjiż sħiħ, aktar milli individwu.
Is-sistema ta' rotazzjoni tal-presidenzi tmur lura għall-bidu nett tal-integrazzjoni Ewropea. Ir-rwol iqiegħed kull wieħed mis-27 stat membru fil-qalba tal-attenzjoni politika tal-kontinent għal perjodu ta' sitt xhur, li matulu jgħin biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel ta' parti kbira mill-UE.
L-akbar suq uniku fid-dinja, l-ambjent, is-sigurtà, il-provvista tal-enerġija... ftit huma l-affarijiet, jekk hemm, li mhumiex affettwati mill-ħidma tagħha.
Il-presidenza tiġi madwar darba biss kull tlettax-il sena u nofs, u din hija ħaġa kbira!
X'mhijiex
⸺
Ejja nwarrbu xi kunċetti żbaljati komuni dwar il-presidenza tal-Kunsill:
mhijiex f'idejn mexxej politiku wieħed
mhijiex biss rwol simboliku
mhijiex l-istess bħall-president tal-Kunsill Ewropew – li bħalissa huwa António Costa
Mela x'inhi?
Il-presidenza hija assenjata lil stat membru.
Il-presidenza – irrappreżentata minn membru tal-gvern mill-pajjiż li għandu l-presidenza – tmexxi l-laqgħat tal-Kunsill.
Il-ministri minn 27 pajjiż jiltaqgħu fil-Kunsill biex jiddiskutu u jaqblu dwar liġijiet li ser japplikaw mal-UE kollha. Il-ministri jieħdu sehem fid-diskussjonijiet tal-Kunsill relatati mar-responsabbiltajiet tagħhom stess.
Pereżempju, jekk tkun qed tiġi diskussa liġi ambjentali, jiltaqgħu flimkien il-ministri għall-ambjent mill-istati kollha. Għalhekk, bażikament il-presidenza b'rotazzjoni tippresiedi l-ħidma tal-Kunsill.
Il-presidenza tiżgura li jseħħu erba' affarijiet fil-Kunsill:
- tinżamm il-kontinwità tal-aġenda tal-UE
- tfassil tajjeb tal-liġijiet
- kooperazzjoni bejn l-istati membri
- kooperazzjoni/koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE
Ir-rwol tqabbel ma' xi ħadd li jospita ikla, li jara li l-mistednin kollha jinġabru f'armonija - li jkunu jistgħu jesprimu d-differenzi tagħhom waqt l-ikla iżda xorta waħda jitilqu fuq nota tajba u b'għan komuni.
Biex tiggarantixxi l-effettività, il-presidenza taġixxi bħala "intermedjarju onest", li jmur lil hinn mill-interess nazzjonali ta' min ikollu l-presidenza stess. Il-presidenza għandha rwol essenzjali, flimkien mal-istituzzjonijiet l-oħra, għaliex l-UE tista' tagħti riżultati biss jekk kulħadd jaħdem flimkien.
Aktar mistoqsijiet dwar il-presidenza
⸺
Kif tintgħażel il-presidenza tal-Kunsill?
Il-pajjiżi kollha tal-UE jkollhom ċans li jassumu l-presidenza, fuq bażi ta' rotazzjoni, li jfisser li b'27 membru kull pajjiż ikun imissu kull tlettax-il sena u nofs.
X'iġib miegħu kull pajjiż għall-presidenza?
Il-fatt li kull pajjiż ikollu l-presidenza minn żmien għal żmien iżid is-sjieda u l-fiduċja bejn il-pajjiżi; kull pajjiż jaf li ser jippresiedi l-Kunsill xi darba jew oħra. Il-presidenza hija riflessjoni vera tal-motto tal-Ewropa "Magħquda fid-diversità" peress li l-istati membri jġibu magħhom aspetti differenti ta' politika jew għarfien espert differenti, li kollha kemm huma jkunu ta' benefiċċju għall-UE kollha kemm hi.
X'jista' jinkiseb f'sitt xhur?
Sitt xhur tassew jgħaddu malajr, għalhekk il-pajjiżi jużaw il-ħin biex jippresiedu l-laqgħat u jsawru l-aġenda tal-Kunsill tal-UE, iżda aktar importanti minn hekk jaħdmu flimkien fl-oqsma kollha, anke jekk il-pożizzjonijiet nazzjonali tagħhom huma 'l bogħod minn xulxin. Il-ħidma fi triji - sekwenzi ta' tliet presidenzi konsekuttivi fuq medda ta' 18-il xahar - tgħin biex l-ambizzjonijiet tal-pajjiżi għall-presidenza jitqiegħdu f'kuntest usa' u tiffaċilita l-ippjanar fit-tul.
Fejn nista' nsib kalendarju tal-presidenza tal-Kunsill tal-UE?
Hemm waħda aktar 'l isfel f'din il-paġna, fejn tista' ssir taf meta pajjiżek kellu l-aħħar il-presidenza u meta ser jerġa' jmissu.
Ir-rwol tal-presidenza
Il-presidenza tippresiedi l-biċċa l-kbira tal-laqgħat, il-kumitati u l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill. Eċċezzjoni notevoli waħda hija laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Barranin, li hija ppreseduta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li jiġi elett għal ħames snin.
Il-presidenza tippjana u tmexxi l-laqgħat ta':
Il-presidenza tal-Kunsill torganizza wkoll laqgħat formali u informali, li jsiru fi Brussell, il-Lussemburgu u l-pajjiż ospitanti.
Dan jagħti aktar viżibbiltà lil kwistjonijiet ta' importanza u jista' jkollu rwol importanti biex jilħaq iċ-ċittadini u l-kwistjonijiet tagħhom.
Pereżempju, f'Settembru 2022, ir-Repubblika Ċeka, li kellha l-presidenza, organizzat laqgħa speċjali tal-ministri għall-enerġija biex tgħin fl-indirizzar tal-piż tal-kontijiet dejjem jogħlew tal-gass u l-elettriku fuq il-konsumaturi.
Il-presidenza tirrappreżenta lill-Kunsill fin-negozjati tiegħu ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE. Hija tinnegozja testi leġiżlattivi mal-Parlament Ewropew u tittratta mal-Kummissjoni Ewropea.
Il-ħidma flimkien mill-qrib tgħin lill-istituzzjonijiet isibu triqithom lejn qbil fuq il-liġijiet permezz ta' diskussjonijiet u negozjati informali.
Fil-fatt il-presidenza tittraduċi l-prijoritajiet tal-UE f'deċiżjonijiet konkreti u formali ggwidati mill-Kunsill Ewropew.
Il-Kunsill Ewropew (mexxejja tal-UE) jiltaqa' regolarment biex jistabbilixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-UE.
Il-presidenza taħdem ukoll mal-president tal-Kunsill Ewropew (li, ftakar, huwa differenti mill-Kunsill tal-UE) u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
X'inhuma l-elementi ewlenin għal presidenza ta' suċċess?
Il-pajjiżi ma jagħmlux dan waħedhom
Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona fl-2009, il-pajjiżi li kellhom il-presidenza tal-UE ma kellhomx iġorru l-ammont ta' xogħol involut għal kollox waħedhom.
Dan għaliex it-Trattat ta' Liżbona stabbilixxa dak li hu magħruf bħala t-"triju": tliet presidenzi jaħdmu flimkien fuq aġenda komuni ta' 18-il xahar. Barra minn hekk, min ikollu l-presidenza preċedenti u dak li jmiss jgħinu lill-presidenza attwali, billi jaqsmu l-għarfien espert tagħhom u jħejju l-perjodi tagħhom fit-tmun tal-UE flimkien.
Dan ifisser li l-ippjanar jista' jseħħ fuq bażi aktar fit-tul, għall-benefiċċju tal-Ewropa.
Il-presidenza hija appoġġata mis-segretarjat, li litteralment jinsab fuq in-naħa tagħha matul il-mandat kollu: ir-rappreżentanti tiegħu jpoġġu fuq ix-xellug tal-presidenza fil-laqgħat kollha. Is-segretarjat iservi bħala l-memorja istituzzjonali jew il-kolla; huwa dejjem hemm biex jgħin fl-organizzazzjoni tal-laqgħat, jagħti pariri dwar in-negozjati u jipprovdi opinjonijiet legali dwar kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi. Huwa dejjem imparzjali, u l-parir tiegħu huwa bbażat fuq l-għarfien espert li akkumula matul ħafna snin.
Min imissu?
Hemm skeda fissa għal meta kull pajjiż ikollu l-presidenza.
Meta t-Trattati ta' Ruma ħolqu l-predeċessur tal-UE fl-1958, kien hemm biss sitt stati membri. Dan ifisser li l-pajjiżi kienet tmisshom il-presidenza ta' sitt xhur kull tliet snin.
Is-sħubija tal-UE issa hija ta' 27 li tvarja fil-popolazzjoni mill-Ġermanja (aktar minn 80 miljun) għal Malta (jiġifieri ftit aktar minn nofs miljun).
Iżda jibqa' l-prinċipju li kull stat tkun tmissu l-presidenza. Dan jista' jitqies bħala perjodu privileġġat ta' servizz mogħti minn kull pajjiż lill-Kunsill.
Kontribut speċjali
Kull presidenza hija investiment fil-futur, peress li huwa mument uniku għal kull pajjiż (nies, amministrazzjoni, gvern, eċċ...) biex verament jaħseb b'mod Ewropew. Il-presidenza tista' titqabbel ma' ERASMUS għall-pajjiżi tal-UE, opportunità biex isiru verament Ewropej, billi tgħaqqad l-interessi nazzjonali mal-interessi tal-Ewropa.
Barra minn hekk, kull sitt xhur kull pajjiż iġib dinamiżmu u enerġija ġodda fl-UE. Tiġbed ukoll l-attenzjoni fuq tema li jkollu għarfien espert speċjali dwarha jew interess partikolari fiha - dan jiżgura li maż-żmien l-UE tindirizza t-temi kollha li huma l-aktar rilevanti u importanti għall-pajjiżi kollha tagħha.
Il-pajjiżi li jkollhom il-presidenza jistgħu jadottaw motti mfassla biex jagħtu t-timbru tagħhom stess fuq ir-rwol, filwaqt li jikkonformaw mal-prinċipji ta' konformità tal-UE.
Allura pajjiżek meta ser ikollu l-presidenza?
⸺
Ċipru
Presidenza attwali
Jan-Ġun 2026
Kompli aqra hawn taħt biex tara meta jkun imiss lill-pajjiżek biex ikollu l-presidenza, u/jew meta kienet l-aħħar darba li kellu l-presidenza. Il-lista uffiċjali tal-presidenzi tibqa' għaddejja sal-2030.
Irlanda
Presidenza preċedenti fl-2013
Lul-Diċ 2026
Litwanja
Presidenza preċedenti fl-2013
Jan-Ġun 2027
Greċja
Presidenza preċedenti fl-2014
Lul-Diċ 2027
Italja
Presidenza preċedenti fl-2014
Jan-Ġun 2028
Latvja
Presidenza preċedenti fl-2015
Lul-Diċ 2028
Lussemburgu
Presidenza preċedenti fl-2015
Jan-Ġun 2029
Netherlands
Presidenza preċedenti fl-2016
Lul-Diċ 2029
Slovakkja
Presidenza preċedenti fl-2016
Jan-Ġun 2030
Malta
Presidenza preċedenti fl-2017
Lul-Diċ 2030
Id-data tal-presidenza li jmiss għadha mhijiex ikkonfermata għall-pajjiżi li ġejjin. Madankollu, tista' tara meta pajjiżek kellu l-aħħar il-presidenza.
Estonja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2017
Bulgarija
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2018
Awstrija
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2018
Rumanija
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2019
Finlandja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2019
Kroazja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2020
Ġermanja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2020
Portugall
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2021
Slovenja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2021
Franza
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2022
Ċekja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2022
Żvezja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2023
Spanja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2023
Belġju
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2024
Ungerija
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2024
Polonja
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2025
Danimarka
L-aħħar li kellha l-presidenza kien fl-2025
Ara wkoll
⸺

