• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 23 ta' Ottubru 2017
  • 00:55

Stazzjonar ta' ħaddiema: Il-Kunsill jilħaq qbil

Ħaddiema stazzjonati fl-Unjoni Ewropea

Il-Kunsill laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali) fuq id-direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema. Il-proposta l-ġdida tirrevedi ċerti elementi tad-direttiva oriġinali tal-1996.

Il-President tal-Kunsill, Jevgeni Ossinovski, Ministru għas-Saħħa u x-Xogħol tal-Estonja, iddikjara: "Ninsab kuntent li l-Kunsill qabel fuq il-pożizzjoni tiegħu dwar kwistjoni tant importanti u sensittiva. U speċjalment kuntent li wara negozjati twal, kien hemm appoġġ mifrux għall-kompromess tagħna. It-test finali jsib bilanċ delikat. Minn naħa, huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-ħaddiema tagħna jiġu ttrattati b’mod ġust. Il-persuni li jagħmlu l-istess xogħol fl-istess post għandu jkollhom ukoll l-istess kondizzjonijiet ta' xogħol u ta' paga. Min-naħa l-oħra, ma għandniex noħolqu ostakli bla bżonn għall-moviment liberu tas-servizzi - pereżempju fis-settur tat-trasport li minnu nnifsu huwa mobbli."

L-għan tad-direttiva hu li tiffaċilita l-provvediment ta' servizzi madwar l-UE filwaqt li jiġu rrispettati l-kompetizzjoni ġusta kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema li huma impjegati fi stat membru wieħed u mibgħuta minn min iħaddimhom biex jaħdmu b'mod temporanju f'ieħor (ħaddiema stazzjonati). Id-direttiva ser tiżgura remunerazzjoni ġusta u kondizzjonijiet indaqs bejn il-kumpaniji tal-ħaddiema stazzjonati u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti.

Id-direttiva l-ġdida tipprevedi:

  • remunerazzjoni tal-ħaddiema stazzjonati skont il-liġi u l-prattiki tal-istat membru ospitanti
  • stazzjonar fit-tul ta' 12-il xahar li jista' jiġi estiż b'sitt xhur (18-il xahar b'kollox) fuq il-bażi ta' notifika motivata mill-fornitur tas-servizz
  • applikazzjoni ta' ftehimiet kollettivi universalment applikabbli għall-ħaddiema stazzjoni fis-setturi kollha
  • trattament indaqs ta' ħaddiema temporanji tal-aġenziji u ħaddiema lokali
  • b'rabta mas-settur tat-trasport, id-dispożizzjonijiet tad-direttiva emendatorja ser japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-leġislazzjoni speċifika għas-settur li ġejja
  • perijodu ta' traspożizzjoni ta' 3 snin flimkien ma' sena oħra qabel l-applikazzjoni tad-direttiva.

Ir-regoli kollha dwar ir-remunerazzjoni li japplikaw għall-ħaddiema lokali ser ikollhom ukoll japplikaw għal ħaddiema stazzjonati. Ir-remunerazzjoni mhux ser tinkludi biss ir-rati minimi ta' ħlas, iżda wkoll elementi oħrajn bħall-bonuses jew l-allowances.

Il-Pjattaforma kontra x-xogħol mhux iddikjarat ser tintuża għall-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi u biex jittejjeb l-iskambju ta' informazzjoni u kooperazzjoni amministrattiva bejn l-istati membri.

Kuntest

Ir-reviżjoni tad-direttiva tal-1996 kienet meħtieġa sabiex il-leġislazzjoni tiġi adattata għal kondizzjonijiet ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol ġodda, u sabiex il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tiġi kkodifikata. Dan ser jagħmel il-leġislazzjoni tal-UE aktar ċara.

Id-direttiva riveduta tiffoka fuq kwistjonijiet koperti mill-qafas regolatorju tal-UE stabbilit mid-direttiva oriġinali tal-1996. Id-direttiva riveduta dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema u d-direttiva dwar l-infurzar għaldaqstant jikkomplementaw u jirrinfurzaw lill-xulxin.

L-istazzjonar ta' ħaddiema involva 1.9 miljun ħaddiem Ewropew fl-2014. Għalkemm jirrappreżenta biss 0.7% tal-impjiegi kollha tal-UE, l-istazzjonar tal-ħaddiema jappoġġa l-provvediment transkonfinali ta' servizzi fis-Suq Intern kollu, partikolarment fil-kostruzzjoni u xi setturi ta' servizzi personali u tan-negozju. Skont ir-regoli eżistenti, il-kumpaniji b'ħaddiema stazzjonati jeħtieġ li jikkonformaw ma' sett ewlieni ta' drittijiet marbutin max-xogħol tal-pajjiż ospitanti, fosthom rati minimi ta' ħlas.

Xi jmiss

B'dan il-ftehim il-Kunsill jista' jibda negozjati mal-Parlament Ewropew.

Kuntatti għall-istampa

Assen Indjiev
Uffiċjal tal-istampa
+32 2 281 68 14
+32 470 46 17 15