- Stqarrija għall-istampa
- 11 ta' Diċembru 2017
- 11:40
Kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża: Il-Kunsill jistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) bil-parteċipazzjoni ta' 25 stat membru
Fil-11 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), inqas minn xahar wara li rċieva notifika konġunta mill-istati membri bl-intenzjoni tagħhom li jipparteċipaw.
Il-25 stat membru li qed jipparteċipaw fil-PESCO huma: L-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja. Fit-13 ta' Novembru 2017, il-ministri minn 23 stat membru ffirmaw notifika konġunta dwar il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u għaddewha lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill. Fis-7 ta' Diċembru 2017, l-Irlanda u l-Portugall ukoll nnotifikaw id-deċiżjoni tagħhom li jingħaqdu mal-PESCO.
Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fil-qasam tal-politika dwar is-sigurtà u d-difiża ġiet introdotta bit-Trattat ta' Lisbona. Dan jipprevedi l-possibbiltà li għadd ta' stati membri tal-UE jaħdmu flimkien aktar mill-qrib fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Dan il-qafas permanenti ta' kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ser jippermetti lil stati membri disponibbli u kapaċi li jiżviluppaw b'mod konġunt kapaċitajiet ta' difiża, jinvestu fi proġetti komuni u jsaħħu l-prontezza operazzjonali u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom.
Id-deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi PESCO tistabbilixxi:
- il-lista ta' stati membri parteċipanti
- il-lista ta' impenji komuni ambizzjużi u aktar vinkolanti li ħadu l-istati membri parteċipanti, inkluż "żidiet regolari fil-baġits għad-difiża f'termini reali sabiex jintlaħqu l-objettivi maqbula"
- il-governanza tal-PESCO, b'livell ġenerali li jżomm il-koerenza u l-ambizzjoni tal-PESCO, flimkien ma' proċeduri speċifiċi ta' governanza fil-livell tal-proġetti
- arranġamenti amministrattivi, inkluż il-funzjonijiet tas-segretarjat għall-PESCO fil-livell ta' proġett u finanzjament
L-Istati Membri li qed jipparteċipaw fil-PESCO adottaw ukoll dikjarazzjoni fl-istess ħin tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li tistabbilixxi PESCO. Id-dikjarazzjoni tilqa' l-qbil politiku li jidentifika lista inizjali ta' 17-il proġett li għandhom jitwettqu taħt PESCO. Il-proġetti jistgħu jkopru oqsma bħat-taħriġ, l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u l-prontezza operazzjonali fil-qasam tad-difiża. Dawn il-proġetti inizjali mistennija jkunu formalment adottati mill-Kunsill kmieni fl-2018.
Il-passi li jmiss
Id-deċiżjoni li tistabbilixxi PESCO tipprevedi li l-Kunsill, bl-unanimità tar-rappreżentanti tal-istati membri li jipparteċipaw fil-PESCO, ser jadotta, deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet ulterjuri f'għadd ta' oqsma, inkluż biex jistabbilixxu:
- il-lista ta' proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt PESCO (mistennija kmieni fl-2018)
- sett komuni ta' regoli ta' governanza għal proġetti, li jistgħu jiġu adattati għal proġetti individwali
- il-kondizzjonijiet ġenerali li skont dawn jistgħu jiġu mistiedna Stati terzi biex jipparteċipaw fi proġetti individwali.
- Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u tiddetermina l-lista ta' Stati Membri Parteċipanti
- Dikjarazzjoni dwar il-proġetti ta' PESCO minn stati membri li jipparteċipaw fil-PESCO
- Ħarsa ġenerali tal-ewwel proġetti kollaborattivi tal-PESCO
- Kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża: 23 stat membru jiffirmaw notifika konġunta dwar il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO)
- Kooperazzjoni fil-livell tal-UE fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża
- Skeda informattiva dwar il-kooperazzjoni strutturata permanenti (SEAE)