- Stqarrija għall-istampa
- 15/03/2019
- 12:47
Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: il-Kunsill jaqbel dwar il-pożizzjoni tiegħu
Illum il-Kunsill qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu (approċċ ġenerali parzjali) dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG). Il-fond imfassal biex jappoġġa lill-Istati Membri fejn iseħħu avvenimenti ta' ristrutturar kbir mhux mistennija bħala riżultat tal-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni. Fost dawn hemm il-bidliet fil-mudelli kummerċjali dinjija, it-tilwim kummerċjali, il-kriżijiet finanzjarji jew ekonomiċi jew it-transizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju.
Sakemm isir aktar progress fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, il-qbil tal-lum ma jkoprix l-aspetti baġitarji jew id-dispożizzjonijiet ta' natura orizzontali.
Il-FEG wera li hu għodda importanti li tippermetti lill-Unjoni tappoġġa lill-istati membri f'ċirkostanzi mhux previsti fis-suq tax-xogħol. Irridu li l-fond ikompli jipprovdi finanzjament għat-titjib tal-ħiliet u l-impjegabbiltà tal-ħaddiema fl-EU kollha li tilfu l-impieg tagħhom.
Marius-Constantin Budăi, Ministru għax-Xogħol u l-Ġustizzja Soċjali tar-Rumanija
Fost l-elementi l-ġodda tal-proposta nsibu:
- livell aktar baxx ta' 250 ħaddiem li ngħataw is-sensja biex każ ikun eliġibbli;
- kamp ta' applikazzjoni estiż li jinkludi aktar raġunijiet biex ir-ristrutturar ikun eliġibbli għal finanzjament;
- allinjament tar-rata ta' kofinanzjament mal-ogħla ta' kofinanzjament tal-FSE+ għal Stat Membru partikolari, iżda mhux anqas minn 60 %.
Il-pożizzjoni tal-Kunsill tipprevedi l-allinjament tal-perijodu ta' funzjonament tal-FEG mal-perijodu tal-QFP mill-1 ta' Jannar 2021 sal-31 ta' Diċembru 2027. Iżżid ukoll bidliet importanti fir-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE u l-kompożizzjoni tas-suq intern mal-isfidi relatati mal-globalizzazzjoni li jistgħu joħolqu avvenimenti ta' ristrutturar kbir mhux mistennija.
Sfond
Il-FEG inizjalment kien stabbilit fl-2006 għall-perijodu 2007-2013 biex jappoġġa lill-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta' bidliet strutturali kbar relatati mal-globalizzazzjoni. Għall-perijodu 2014-2020, il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond twessa' biex jinkludi spostamenti ta' impjieg li jirriżultaw minn kwalunkwe kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida. F'Mejju 2018 l-Kummissjoni ppubblikat il-proposta tagħha dwar il-kontinwazzjoni tal-FEG lil hinn mill-2020.
Il-passi li jmiss
Mingħajr preġudizzju għan-negozjati orizzontali li għaddejjin dwar il-QFP 2021-2027, l-approċċ ġenerali parzjali mill-Kunsill ser iservi bħala bażi għan-negozjati futuri mal-Parlament Ewropew.
Ara l-paġna tal-laqgħaKuntatti għall-istampa
- Assen Indjiev
- +32 2 281 68 14
- +32 470 46 17 15