- Stqarrija għall-istampa
- 9 ta' April 2019
- 14:15
Żvilupp sostenibbli: il-Kunsill jadotta konklużjonijiet
Illum il-Kunsill adotta sett ta' konklużjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-UE tal-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2030 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, li ġiet stabbilita fl-2015 u li fiha sett ta' 17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG). Minħabba n-natura orizzontali tal-Aġenda 2030, l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ approċċ transpolitiku mill-UE u l-istati membri tagħha. Aktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' riflessjoni "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", li l-konklużjonijiet qed jagħtu rispons għalih.
Fil-konklużjonijiet tiegħu, il-Kunsill jissottolinja l-importanza ċentrali ta' żvilupp sostenibbli għall-Unjoni Ewropea u jisħaq li huwa fl-interess tal-UE li tkompli taqdi rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u s-17-il għan ta' żvilupp sostenibbli tagħha. Il-Kunsill jappella li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tiġi aċċellerata, "kemm globalment kif ukoll internament, bħala prijorità ewlenija tal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħha u biex titħares il-kredibbiltà tagħha fl-Ewropa u globalment."
Il-Kunsill jilqa' d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni bħala kontribut meħtieġ b'mod urġenti għad-dibattitu dwar futur aktar sostenibbli u l-iffissar tal-prijoritajiet strateġiċi għall-Kummissjoni l-ġdida. Il-pedamenti politiċi ewlenin għal futur sostenibbli identifikati mill-Kunsill jinkludu transizzjoni deċiżiva lejn ekonomija ċirkolari, ħidma kontinwa għal newtralità tal-klima, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-ekosistemi u l-indirizzar tat-tibdil fil-klima, flimkien ma' agrikoltura u ikel sostenibbli, u enerġija, bini u mobbiltà sikuri u sostenibbli b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju. Il-Kunsill jenfasizza wkoll l-importanza li titrawwem koeżjoni Ewropea u jappella biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali.
Barra minn hekk, il-Kunsill tenna l-appell preċedenti tiegħu biex il-Kummissjoni tfassal strateġija ta' implimentazzjoni komprensiva u inklużiva li tiddeskrivi skadenzi, objettivi u miżuri konkreti li jirriflettu l-Aġenda 2030 u biex l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli jiġu integrati fil-politiki interni u esterni rilevanti kollha tal-UE.
- Konklużjonijiet tal-Kunsill "Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030"
- Dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030"
Kuntatti għall-istampa
- Liis Jaansalu
- +32 2 281 38 71
- +32 470 89 08 50
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.