• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 15 ta' April 2019
  • 10:35

L-UE taġġusta r-regoli tad-drittijiet tal-awtur għall-era diġitali

Ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur adattati għall-era diġitali.

L-UE qed temenda l-qafas legali tagħha dwar id-drittijiet tal-awtur biex ikun adattat għall-ambjent diġitali tal-lum. Il-Kunsill illum adotta direttiva li timmodernizza l-liġi eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur biex twitti t-triq lejn suq uniku diġitali reali. Ir-regoli l-ġodda jiżguraw protezzjoni adegwata għall-awturi u l-artisti, filwaqt li jiftħu possibbiltajiet ġodda għall-aċċess u l-kondiviżjoni ta’ kontenut online protett bid-drittijiet tal-awtur madwar l-Unjoni Ewropea.

Ninsab verament kuntent li wasalna għal test bilanċjat, li joħloq għadd ta' opportunitajiet għas-setturi kreattivi tal-Ewropa, li ser imorru tajjeb ħafna u jkunu jirriflettu aħjar id-diversità kulturali tagħna u valuri oħra komuni Ewropej, u anke għall-utenti, billi l-libertà tal-espressjoni tagħhom fuq l-internet ser tissaħħaħ. Dan huwa pass importanti għall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali sod u li jaħdem sew.

Valer Daniel Breaz, Ministru għall-Kultura u l-Identità Nazzjonali tar-Rumanija

Id-direttiva tindirizza kwistjonijiet varji, li jistgħu jinġabru flimkien taħt tliet kategoriji:

A) Adattament tal-eċċezzjonijiet/il-limitazzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur għall-ambjent diġitali u transfruntier
Id-direttiva tintroduċi eċċezzjonijiet obbligatorji għad-drittijiet tal-awtur għall-finijiet tal-estrazzjoni ta' testi u ta' data, attivitajiet ta' tagħlim online u l-preservazzjoni u t-tixrid online tal-wirt kulturali.

B) Titjib fil-prattiki tal-għoti ta' liċenzji biex ikun żgurat aċċess usa' għall-kontenut kreattiv
Id-direttiva tipprevedi regoli armonizzati li jiffaċilitaw:

  • l-isfruttament ta' xogħlijiet li ma għadhomx jiġu kkummerċjalizzati (xogħlijiet li ma għadhomx fil-kummerċ),
  • il-ħruġ ta' liċenzji kollettivi b'effett estiż u
  • l-ikklerjar tad-drittijiet għal films minn pjattaformi ta' video fuq talba.

C) Kisba ta' suq li jaħdem sew għad-drittijiet tal-awtur
Id-direttiva tintroduċi dritt ġdid għall-pubblikaturi tal-istampa għall-użu online tal-pubblikazzjonijiet tal-istampa tagħhom. L-awturi ta' xogħlijiet inkorporati fil-pubblikazzjoni tal-istampa ser ikunu intitolati għal sehem mid-dħul tal-pubblikatur tal-istampa li jkun ġej minn dan id-dritt il-ġdid.

Rigward il-pjattaformi ta' kondiviżjoni ta' kontenut online, li huma bbażati fuq il-mudell ta' kontenut imtella' mill-utenti, id-direttiva tiċċara l-qafas legali li fih joperaw. Fil-prinċipju, pjattaformi bħal dawn ser ikollhom jiksbu liċenzja għal xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur imtellgħin minn utenti sakemm ma jiġux issodisfati għadd ta' kondizzjonijiet previsti f'din id-direttiva. Għaldaqstant, id-detenturi tad-drittijiet ser ikunu jistgħu jinnegozjaw aħjar il-kondizzjonijiet tal-isfruttament tax-xogħlijiet online tagħhom u jiġu rimunerati għall-użu online tal-kontenut tagħhom minn dawn il-pjattaformi. Fl-istess ħin, id-direttiva tippermetti lill-utenti jiġġeneraw u jtellgħu l-kontenut liberament, għal skopijiet ta’ kwotazzjoni, kritika, eżami, karikatura, parodija u pastiċċ. Għal dan il-għan, id-direttiva tittrasforma dawn l-eċċezzjonijiet, li huma attwalment fakultattivi għall-istati membri, f'eċċezzjonijiet obbligatorji għal dan it-tip partikolari ta' użu.

Id-direttiva tistabbilixxi wkoll li d-dritt tal-awturi u l-artisti jintrabat ma' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata hekk kif jikkonċedu b'liċenzja d-drittijiet tagħhom jew jittrasferuhom u tintroduċi obbligu ta' trasparenza rigward l-isfruttament ta' xogħlijiet liċenzjati u mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni, flimkien ma' mekkaniżmu alternattiv apposta għas-soluzzjoni ta' tilwim. L-iżviluppaturi tas-software huma esklużi minn dawn ir-regoli.

Il-passi li jmiss

Wara l-firma u l-pubblikazzjoni tad-direttiva fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-istati membri ser ikollhom 24 xahar biex jittrasponu r-regoli l-ġodda fid-dritt nazzjonali tagħhom.

Kuntatti għall-istampa

Leonidas Karamountzos
Press officer
+32 2 281 85 46
+32 476 53 11 80

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.