• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 9 ta' Lulju 2019
  • 12:12

Politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u fiskali: rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-2019

Fid-9 ta' Lulju 2019, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjonijiet tal-2019 u l-opinjonijiet tiegħu dwar il-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u fiskali tal-istati membri.

L-objettiv ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet huwa li l-istati membri jiġu inkoraġġuti jżidu l-potenzjal ta' tkabbir tagħhom billi jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u jkomplu jsaħħu r-reżiljenza tagħhom.

Minkejja inċertezzi globali u kondizzjonijiet inqas favorevoli, l-ekonomiji tal-istati membri kollha huma mistennija jikbru fl-2020 u r-rata tal-qgħad tinsab f'livell baxx rekord. F'dan il-kuntest, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jiffokaw fuq l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali effettivi, li jagħtu spinta lill-istrateġiji tal-investiment u jinkoraġġixxu politiki fiskali responsabbli.

L-adozzjoni tal-lum hija l-istadju finali tas-''Semestru Ewropew'' 2019, proċess annwali ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-20 ta' Ġunju l-Kunsill Ewropew kellu diskussjoni dwar ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Il-partijiet tal-politika tal-impjiegi ġew approvati mill-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur fit-8 ta' Lulju.

Is-Semestru Ewropew jinvolvi monitoraġġ simultanju tal-politiki ekonomiċi, tal-impjiegi u fiskali tal-istati membri matul perjodu ta' sitt xhur kull sena.

Fid-dawl tal-gwida politika mogħtija kull sena mill-Kunsill Ewropew f'Marzu, l-istati membri jippreżentaw f'April ta' kull sena:

  • programmi nazzjonali ta' riforma għall-politiki ekonomiċi tagħhom. Dawn jistabbilixxu xenarju makroekonomiku fuq perjodu medju ta' żmien, miri nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-istrateġija ''Ewropa 2020'' tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir, l-identifikazzjoni tal-ostakli ewlenin għat-tkabbir, u miżuri għal inizjattivi li jtejbu t-tkabbir fuq perjodu qasir ta' żmien;
  • programmi ta' stabbiltà jew ta' konverġenza għall-politiki fiskali tagħhom. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro jippreżentaw programmi ta' stabbiltà, filwaqt li l-istati membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jippreżentaw programmi ta' konverġenza. Dawn jistabbilixxu objettivi baġitarji għall-perjodu medju, is-suppożizzjonijiet prinċipali dwar l-iżviluppi ekonomiċi mistennija, deskrizzjoni tal-miżuri rigward il-politika fiskali u ekonomika, u analiżi dwar kif tibdil fis-suppożizzjonijiet jista' jaffettwa l-pożizzjonijiet fiskali u tad-dejn.

Il-Kunsill imbagħad jadotta r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs) u l-opinjonijiet. Huwa jagħti spjegazzjonijiet f'każijiet fejn ir-rakkomandazzjonijiet ma jikkorrispondux ma' dawk proposti mill-Kummissjoni.

Għall-ewwel darba u wara l-ħruġ tal-Greċja mit-tielet programm ta' aġġustament tagħha f'Awwissu 2018, is-CSRs tal-2019 huma indirizzati lit-28 stat membru kollha.

F'Marzu 2019, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni speċifika dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro. Huwa għamel dan fi stadju aktar bikri sabiex il-kwistjonijiet taż-żona tal-euro jiġu kkunsidrati meta jiġu approvati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

L-abbozz ta' rakkomandazzjonijiet jista' jinstab fid-dokumenti li ġejjin:

Kuntatti għall-istampa

Maria Tomasik
Uffiċjal tal-istampa
+32 2 281 24 63
+32 470 88 23 83