• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 16 ta' Lulju 2019
  • 12:00

Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, f'isem l-Unjoni Ewropea fl-okkażjoni ta' Jum il-Ġustizzja Kriminali Internazzjonali, 17 ta' Lulju 2019

Dan id-dokument hu disponibbli b'lingwi mhux tal-UE:
Arabic
Chinese
Persian
Russian

Jum il-Ġustizzja Kriminali Internazzjonali #JusticeMatters

Waqt li nfakkru Jum il-Ġustizzja Kriminali Internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-appoġġ li minn dejjem kellha lejn is-sistema tal-ġustizzja kriminali internazzjonali u b'mod partikolari l-impenn sod tagħha favur il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), bħala parti mill-impenn usa' tal-UE għal ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli.

Is-sena li għaddiet iċċelebrajna l-għoxrin anniversarju tal-Istatut ta' Ruma tal-QKI billi ħadna l-impenn li nużaw l-għodod politiċi interni u barranin kollha tagħna biex nappoġġaw il-ġlieda kontra l-impunità u biex infittxu ġustizzja, bħala element fil-qalba tal-kisba tal-paċi u s-sigurtà sostenibbli, tal-kontribut għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u tar-rikonċiljazzjoni fost il-komunitajiet milquta. L-UE u l-Istati Membri tagħha ser ikomplu bix-xogħol tagħhom lejn ir-ratifika u l-implimentazzjoni universali tal-Istatut ta' Ruma. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jirrispettaw u jiddefendu l-prinċipji u l-valuri mnaqqxa fl-Istatut ta' Ruma u li jippreservaw l-integrità tiegħu, billi sfidi persistenti għall-ġustizzja kriminali internazzjonali jikkostitwixxu tfixkil serju għall-effiċjenza sħiħa tagħha.

Il-mekkaniżmi tal-ġustizzja internazzjonali huma essenzjali biex jiżguraw li l-aktar reati serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali kollha kemm hi jiġu investigati, l-awturi tar-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja u l-vittmi jirċievu l-għajnuna u l-kumpens xierqa għall-ħsara mġarrba. M'aħna ser ninsew qatt l-atroċitajiet mill-passat anzi ser inżommuhom bħala parti mill-memorja umana kollettiva tagħna u mid-determinazzjoni tagħna li nipprevjenu konflitti u ġenoċidji fil-ġejjieni. Huwa għalhekk li l-UE tikkontribwixxi ta' kull sena għall-promozzjoni tal-ġustizzja kriminali internazzjonali b'aktar minn €38 miljun mill-2014 'l hawn, billi tappoġġa lill-QKI u inizjattivi u mekkaniżmi għall-ġustizzja transizzjonali għal bosta pajjiżi, bħall-mekkaniżmi internazzjonali fis-Sirja u l-Myanmar.

Madwar id-dinja, l-UE tikkontribwixxi għal riformi usa' fis-settur tal-ġustizzja permezz ta' programmi mmirati biex jikkomplementaw u jsaħħu s-sistemi nazzjonali tal-ġustizzja, u ser tkompli tkun involuta fi sforzi biex tappoġġa lil dawk li jaħdmu għad-drittijiet tal-bniedem, l-avukati, il-prosekuturi u l-kontributuri kollha għas-sistema tal-ġustizzja internazzjonali li bla heda jaħdmu biex ikun hemm ġustizzja u jħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Il-Pajjiżi Kandidati r-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq*, il-Montenegro*, is-Serbja* u l-Albanija*, il-pajjiż tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni u kandidat potenzjali l-Bożnija-Ħerzegovina, u l-pajjiż tal-EFTA n-Norveġja, membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, kif ukoll l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Georgia jallinjaw ruħhom ma' din id-Dikjarazzjoni.

*Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta' Fuq, il-Montenegro, is-Serbja u l-Albanija għadhom jagħmlu parti mill-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni

Kuntatti għall-istampa

Maja Kocijančič
Kelliem tas-SEAE
+32 2 298 65 70
+32 498 98 44 25

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.