- Stqarrija għall-istampa
- 15 ta' Ottubru 2019
- 01:15
Il-Baħar Baltiku: Qbil tal-Kunsill dwar il-limiti ta' qbid għall-2020
Illum, il-Kunsill laħaq qbil dwar il-qabdiet totali permissibbli (TACs) u l-kwoti tal-istati membri għas-sena d-dieħla għall-għaxar stokkijiet ta' ħut l-iktar importanti kummerċjalment fil-Baħar Baltiku. Dan il-qbil għalhekk jistabbilixxi kemm is-sajjieda Ewropej ser ikunu jistgħu jistadu u taħt liema kundizzjonijiet.
F'konformità mal-aħħar parir xjentifiku li jenfasizza l-kundizzjonijiet ħżiena fil-Baħar Baltiku, il-Kunsill iddeċieda li jnaqqas l-opportunitajiet tas-sajd għall-maġġoranza tal-istokkijiet tal-ħut. It-TACs żdiedu moderatament biss għall-aringa fil-Golf ta' Riga, u nżammu għas-salamun fil-Golf tal-Finlandja.
It-tnaqqis kien partikolarment sinifikanti għall-bakkaljaw, bi tnaqqis ta' 60% fil-parti tal-Punent tal-Baħar Baltiku, u l-permess biex ikun hemm qabdiet aċċessorji biss fil-parti tal-Lvant.
![]()
Kellhom jittieħdu xi deċiżjonijiet kuraġġużi biex tinżamm is-saħħa tal-istokkijiet tal-ħut tal-Baħar Baltiku u s-sostenibbiltà fit-tul tas-sajd fiż-żona. Il-qbil tal-lum mhux biss jippermetti l-irkupru tal-istokkijiet, iżda jgħin ukoll biex jittaffew l-effetti soċjoekonomiċi fuq is-sajjieda tal-UE.
Jari Leppä, Ministru għall-Agrikoltura u l-Forestrija tal-Finlandja u President tal-Kunsill
Il-qbil fid-dettall
Abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni, il-kwantitajiet maqbula jqisu l-impenn li jintlaħqu l-objettivi tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), inkluż l-ilħuq tal-MSY, kif ukoll il-parir xjentifiku provdut b'mod partikolari mill-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES). Id-dispożizzjonijiet tal-pjan ta' ġestjoni pluriennali għall-Baħar Baltiku ukoll ġew segwiti mill-qrib.
Minbarra li jistabbilixxi t-TACs u l-kwoti nazzjonali għal xi speċijiet, il-Kunsill qabel dwar miżuri addizzjonali dwar l-istokkijiet tal-bakkaljaw bħal:
- limiti aktar stretti għas-sajd rikreattiv (limiti tal-qabdiet ta' ħames kampjuni għal kull sajjied kuljum bħala regola ġenerali)
- perjodi ta' għeluq itwal fis-sottodiviżjonijiet 25 u 26 (mill-1 ta' Mejju sal-31 ta' Awwissu), fis-sottodiviżjonijiet 22–23 (mill-1 ta' Frar sal-31 ta' Marzu), u fis-sottodiviżjoni 24 (mill-1 ta' Ġunju sal-31 ta' Lulju)
Minħabba li t-tnaqqis kbir maqbul fl-opportunitajiet tas-sajd ser iwassal għal konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi għas-sajd affettwat, l-istati membri fil-Baħar Baltiku u l-Kummissjoni enfasizzaw l-importanza li tiġi żgurata ġestjoni xierqa tal-kriżi.
Fil-livell reġjonali twettqet ħidma preparatorja li twassal għal qbil malajr permezz tal-BALTFISH, korp li jipprovdi pjattaforma għal diskussjoni dwar kwistjonijiet importanti tas-sajd fil-Baħar Baltiku, bħalissa taħt presidenza tal-Finlandja.
Il-passi li jmiss
Dan il-punt ser jiġi adottat formalment mill-Kunsill permezz ta' proċedura bil-miktub.
Sfond
Id-diskussjonijiet tal-lum kienu bbażati fuq proposta tal-Kummissjoni bl-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi legali.
Skont dan l-artikolu, huwa l-Kunsill li għandu jadotta miżuri dwar l-iffissar u l-allokazzjoni ta' opportunitajiet tas-sajd fil-qafas tal-politika komuni tas-sajd. Għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tal-Parlament Ewropew u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew mhumiex meħtieġa għall-adozzjoni ta' dan ir-regolament.
- Proposta tal-Kummissjoni 11814/19
- Proposta tal-Kummissjoni 11814/19 ADD 1
- Pjan ta' ġestjoni pluriennali tas-sajd għall-Baħar Baltiku
- L-iffissar ta' kwoti u limiti tal-qbid
Kuntatti għall-istampa
- Assen Indjiev
- +32 2 281 68 14
- +32 470 46 17 15