- Dikjarazzjoni u kummenti
- 18 ta' Ottubru 2019
- 15:40
Kummenti mill-President Donald Tusk wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tas-17 u t-18 ta' Ottubru 2019
Ilbieraħ filgħaxija l-mexxejja ddiskutew it-tkabbir. Il-maġġoranza kbira riedet tiftaħ it-taħditiet dwar l-adeżjoni mal-Maċedonja ta' Fuq u mal-Albanija. Madankollu, deċiżjoni bħal din teħtieġ l-unanimità, u lbieraħ ma kienx hemm unanimità. Huwa għalhekk li l-UE ser terġa' lura għal din il-kwistjoni qabel is-summit ta' Zagreb f'Mejju 2020.
Ippermettuli nkun ċar ħafna: Il-Maċedonja ta' Fuq u l-Albanija mhumiex responsabbli għal dan. U r-rapporti tal-Kummissjoni huma wkoll ċari dwar il-fatt li dawn iż-żewġ pajjiżi għamlu dak li ntalbu jagħmlu. U l-adozzjoni tal-Ftehim ta' Prespa kienet kisba tassew straordinarja. Għalhekk iż-żewġ pajjiżi għandhom id-dritt li jibdew in-negozjati mal-UE mil-lum. Jinsabu lesti. Sfortunatament, xi stati membri għadhom mhumiex lesti. Huwa għalhekk li ma rnexxilniex naslu għal deċiżjoni pożittiva. Personalment, naħseb li dan kien żball, iżda mhux ser nikkummenta aktar dwar dan.
Illum nixtieq nibgħat messaġġ lill-ħbieb tagħna fil-Maċedonja ta' Fuq u fl-Albanija: jekk jogħġobkom taqtgħux qalbkom. Assolutament nifhem il-frustrazzjoni tagħkom, għaliex intom għamiltu l-parti tagħkom iżda aħna le. L-UE hija entità politika kumplessa, u huwa minnu li xi drabi tieħu wisq żmien biex tiddeċiedi. Iżda m'għandi assolutament l-ebda dubju li għad jasal il-jum li ssiru membri sħaħ tal-Unjoni Ewropea.
Illum il-mexxejja ddiskutew ukoll il-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida mal-President elett von der Leyen, kif ukoll il-baġit futur tal-UE. Din kienet diskussjoni importanti li ser tkompli fix-xhur li ġejjin. Madankollu, bħalma tafu, dan ser isir mingħajri u mingħajr Jean-Claude madwar il-mejda tal-Kunsill Ewropew. Fuq din in-nota, nixtieq nirringrazzja lil Jean-Claude, kollega u ħabib tiegħi, għall-ħbiberija tagħna, għal-lealtà u s-solidarjetà tiegħek u għall-kooperazzjoni tassew kbira tagħna. U nixtieq nirringrazzja lilkom ukoll, il-media, għall-mistoqsijiet diffiċli iżda ġusti tagħkom, għall-paċenzja tagħkom u talli bqajtu mqajmin magħna sa tard. U talli dħaktu għal xi ċajt minn tagħna. Anki jekk frankament, qatt ma jkunu tad-daħk. Grazzi ta' kollox.
Ara l-paġna tal-laqgħa