• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 12 ta' Novembru 2019
  • 12:00

Kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża: Il-Kunsill iniedi 13-il proġett ġdid tal-PESCO

Il-Kunsill adotta lista aġġornata ta' 13-il proġett li għandhom jitwettqu mill-PESCO. Id-deċiżjoni tal-lum twassal għal 47 l-għadd ta' proġetti fis-seħħ bħalissa.

Ħamsa mill-proġetti l-ġodda jiffukaw fuq it-taħriġ, u jkopru oqsma bħal taħriġ ċibernetiku, tal-għadis, tattiku, mediku kif ukoll kimiku, bijoloġiku, radjoloġiku u tad-difiża nukleari (CBRND). Proġetti oħra jiffukaw fuq it-tisħiħ tal-azzjonijiet kollaborattivi tal-UE kif ukoll fuq l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fuq il-baħar, fl-ajru u fl-ispazju.

Il-Kunsill adotta formalment l-ewwel sett ta' 17-il proġett fis-6 ta' Marzu 2018 u t-tieni sett ta' 17-il proġett fl-20 ta' Novembru 2018.

Kuntest

Fil-11 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO). Il-PESCO tippermetti lill-istati membri tal-UE biex jaħdmu aktar mill-qrib flimkien fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża. Dan il-qafas permanenti ta' kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża ser jippermetti li stati membri disponibbli u kapaċi jiżviluppaw b'mod konġunt kapaċitajiet ta' difiża, jinvestu fi proġetti komuni u jsaħħu l-livell ta' tħejjija operazzjonali u l-kontribut tal-forzi armati tagħhom.

Il-25 stat membru li jipparteċipaw fil-PESCO huma: l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, l-Irlanda, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, Spanja u l-Iżvezja.

Kuntatti għall-istampa

Maria Daniela Lenzu
Uffiċjal tal-istampa
+32 2 281 21 46
+32 470 88 04 02