• Kunsill tal-UE
  • Stqarrija għall-istampa
  • 30 ta' Ġunju 2020
  • 15:30

Il-Kunsill jaqbel li jibdew jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għar-residenti ta' xi stati terzi

Il-Kunsill illum adotta rakkomandazzjoni dwar it-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għandhom jitneħħew għall-pajjiżi fil-lista tar-rakkomandazzjoni, li ser tiġi riveduta u, jekk ikun il-każ, aġġornata kull ġimagħtejn.

Skont il-kriterji u l-kundizzjonijiet mogħtija fir-rakkomandazzjoni, mill-1 ta' Lulju l-istati membri għandhom jibdew ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni għar-residenti tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

  • l-Alġerija
  • l-Awstralja
  • il-Kanada
  • il-Georgia
  • il-Ġappun
  • il-Montenegro
  • il-Marokk
  • New Zealand
  • ir-Rwanda
  • is-Serbja
  • il-Korea t'Isfel
  • it-Tajlandja
  • it-Tuneżija
  • l-Urugwaj
  • iċ-Ċina, soġġett għal konferma tar-reċiproċità

Għall-finijiet ta' din ir-rakkomandazzjoni, ir-residenti ta' Andorra, Monaco, San Marino u l-Vatikan għandhom jitqiesu bħala residenti tal-UE.

Il-kriterji biex jiġu ddeterminati l-pajjiżi terzi li għalihom ir-restrizzjoni attwali fuq l-ivvjaġġar għandha titneħħa jkopru b'mod partikolari s-sitwazzjoni epidemjoloġika u l-miżuri ta' konteniment, inkluż it-tbegħid fiżiku, kif ukoll kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali. Huma jiġu applikati b'mod kumulattiv.

Fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-pajjiżi terzi fil-lista għandhom jissodisfaw il-kriterji li ġejjin, b'mod partikolari:

  • l-għadd ta' każijiet ġodda ta' COVID-19 matul l-aħħar 14-il jum u kull 100 000 abitant qrib il-medja tal-UE jew inqas (kif kienet fil-15 ta' Ġunju 2020)
  • xejra stabbli jew qed tonqos ta' każijiet ġodda tul dan il-perjodu meta mqabbla mal-14-il jum ta' qabel
  • ir-rispons ġenerali għall-COVID-19 skont l-informazzjoni disponibbli, inkluż f'aspetti bħall-ittestjar, is-sorveljanza, it-traċċar tal-kuntatti, il-konteniment, it-trattament u r-rappurtar, kif ukoll l-affidabbiltà tal-informazzjoni u, jekk meħtieġ, il-punteġġ medju totali tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR). Għandha titqies ukoll l-informazzjoni pprovduta mid-delegazzjonijiet tal-UE dwar dawn l-aspetti.

Ir-reċiproċità għandha titqies ukoll regolarment u skont il-każ.

Għall-pajjiżi fejn ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għadhom japplikaw, il-kategoriji ta' persuni li ġejjin għandhom ikunu eżentati mir-restrizzjonijiet:

  • ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom
  • residenti minn żmien twil ilu tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom
  • vjaġġaturi b'funzjoni jew ħtieġa essenzjali, kif elenkati fir-Rakkomandazzjoni.

Il-pajjiżi assoċjati ma' Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera) ukoll qed jieħdu sehem f'din ir-rakkomandazzjoni.

Il-passi li jmiss

Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill mhix strument li jorbot legalment. L-awtoritajiet tal-istati membri għadhom responsabbli għall-implimentazzjoni tal-kontenut tar-rakkomandazzjoni. Jistgħu, bi trasparenza sħiħa, ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn il-pajjiżi fil-lista b'mod progressiv biss.

Stat Membru m'għandux jiddeċiedi li jneħħi r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għal pajjiżi terzi li mhumiex fil-lista qabel ma dan jiġi deċiż b'mod koordinat.

Din il-lista ta' pajjiżi terzi għandha tiġi riveduta kull ġimagħtejn u tista' tiġi aġġornata mill-Kunsill, jekk ikun il-każ, wara konsultazzjonijiet mill-qrib mal-Kummissjoni u l-aġenziji u s-servizzi rilevanti tal-UE wara valutazzjoni ġenerali bbażata fuq il-kriterji msemmija hawn fuq.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew jew jerġgħu jiddaħħlu għalkollox jew parzjalment għal pajjiż terz speċifiku li diġà jkun fil-lista skont bidliet f'xi wħud mill-kundizzjonijiet u, b'konsegwenza, fil-valutazzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika. Jekk is-sitwazzjoni f'pajjiż terz fil-lista tmur għall-agħar f'daqqa, għandu jiġi applikat proċess ta' teħid ta' deċiżjoni malajr.

Kuntest

Fis-16 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tirrakkomanda restrizzjoni temporanja ta' xahar fuq l-ivvjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn l-UE. Il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE qablu li jimplimentaw din ir-restrizzjoni fis-17 ta' Marzu. Ir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar ġiet estiża għal xahar ieħor fit-8 ta' April 2020 u fit-8 ta' Mejju 2020 rispettivament.

Fil-11 ta' Ġunju l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tirrakkomanda estensjoni oħra tar-restrizzjoni sat-30 ta' Ġunju 2020 u tippreżenta approċċ għat-tneħħija gradwali tar-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-1 ta' Lulju 2020. Minn dak iż-żmien 'l hawn saru diskussjonijiet bejn l-istati membri dwar il-kriterji u l-metodi li għandhom jiġu applikati.

Kuntatti għall-istampa

Verónica Huertas Cerdeira
Press officer
+32 2 281 45 48
+32 470 88 21 99

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.