- Stqarrija għall-istampa
- 17 ta' Marzu 2021
- 19:00
Il-programm InvestEU adottat mill-Kunsill
Illum il-Kunsill adotta InvestEU, il-programm il-ġdid ta' investiment tal-UE.
Il-programm jiġbor flimkien diversi strumenti finanzjarji attwalment disponibbli biex jappoġġaw l-investiment fl-UE. Filwaqt li jibni fuq is-suċċess tal-fond Ewropew għall-investimenti strateġiċi, huwa għandu l-għan li jimmobilizza l-investiment pubbliku u privat fl-UE permezz ta' garanzija tal-baġit tal-UE ta' €26.2 biljun li ser tappoġġa proġetti ta' investiment ta' sħab finanzjarji, bħall-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), banek promozzjonali nazzjonali u istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali.
Bis-saħħa ta' effett multiplikatur, InvestEU huwa mistenni jimmobilizza aktar minn €370 biljun ta' investiment addizzjonali matul is-seba' snin li ġejjin, li jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u l-prijoritajiet ta' politika tal-UE fuq terminu medju u twil, inkluż it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
![]()
Il-mobilizzazzjoni ta' investiment fl-Ewropa hija essenzjali għall-irkupru ekonomiku u biex jintlaħqu l-objettivi fit-tul tagħna. InvestEU ser jaqdi rwol importanti f'dan ir-rigward, billi jgħin fil-finanzjament ta' proġetti li jikkontribwixxu għall-bini ta' soċjetajiet aktar ekoloġiċi u aktar diġitali, jappoġġaw l-innovazzjoni u l-SMEs, u jrawmu l-inklużjoni soċjali. Ninsab ħerqan għal proċess ta' implimentazzjoni rapidu, sabiex l-ewwel proġetti li jibbenefikaw minn InvestEU jkunu jistgħu jibdew kemm jista' jkun malajr.
João Leão, Ministru għall-Finanzi tal-Portugall
Il-garanzija tal-baġit tal-UE ser tinqasam b'mod indikattiv bejn l-erba' twieqi ta' politika ta' InvestEU kif ġej:
- Infrastruttura sostenibbli (pereżempju proġetti fl-enerġija sostenibbli, il-konnettività diġitali, it-trasport u l-ekonomija ċirkolari): 37.8%
- Riċerka, innovazzjoni u diġitalizzazzjoni (pereżempju l-integrazzjoni ta' riżultati tar-riċerka fis-swieq, proġetti fl-intelliġenza artifiċjali): 25.1%
- SMEs (il-faċilitazzjoni tal-aċċess għal finanzjament għall-SMEs): 26.4%
- Investiment soċjali u ħiliet (pereżempju proġetti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-akkomodazzjoni soċjali u l-kura tas-saħħa): 10.6%
L-investimenti ta' importanza strateġika għall-UE jistgħu jiġu appoġġati wkoll taħt it-twieqi ta' politika kollha.
Sabiex tiġi appoġġata t-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE, mill-inqas 30% tal-investimenti taħt InvestEU ser jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika tal-UE. Skema għal Tranżizzjoni Ġusta, li hija stabbilita orizzontalment fit-twieqi ta' politika kollha, ser tappoġġa t-territorji l-aktar milquta ħażin mill-proċess ta' tranżizzjoni lejn l-objettivi klimatiċi tal-UE.
Barra minn hekk, sabiex jirċievu l-finanzjament, il-proġetti ta' investiment iridu jirrispettaw il-prinċipju ''la tagħmilx ħsara sinifikanti'', li jiżgura li ma jagħmlux ħsara lill-objettivi ambjentali tal-UE.
InvestEU ser ikun jista' jipprovdi wkoll appoġġ kapitali għall-SMEs affettwati ħażin mill-kriżi tal-COVID-19, dment li dawn ma kinux diġà f'diffikultà f'termini ta' għajnuna mill-istat fi tmiem l-2019.
L-istati membri ser ikunu jistgħu jużaw InvestEU biex jimplimentaw parti mill-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tagħhom skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Barra minn hekk, ser ikollhom ukoll il-possibbiltà li jgħaddu parti mill-fondi strutturali tagħhom lil InvestEU biex jimmobilizzaw investiment addizzjonali.
Il-passi li jmiss
Ir-regolament li jistabbilixxi InvestEU huwa mistenni jidħol fis-seħħ fil-bidu ta' April, u wara dan il-Kummissjoni ser tiffinalizza l-proċeduri meħtieġa mas-sħab inkarigati mill-implimentazzjoni.
Il-kumpaniji u l-promoturi tal-proġetti għandhom ikunu jistgħu jibdew japplikaw għall-finanzjament sa nofs l-2021.
Kuntatti għall-istampa
- Lidija Tisma
- +32 2 281 79 14
- +32 476 77 01 96
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.