L-UE fil-ħajja tiegħek ta' kuljum
⸺
Xi jfisser għalik li tgħix fl-UE?
Id-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE jolqtu l-attivitajiet tiegħek ta' kuljum, kbar u żgħar, int fejn int fl-UE u sikwit mingħajr ma tinduna.
Dawn id-deċiżjonijiet u liġijiet, applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE, huma r-riżultat ta' negozjati bejn ir-rappreżentanti ta' pajjiżek u s-26 pajjiż membru l-ieħor kemm fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-membri tal-Parlament Ewropew li eleġġejt.
Dan xi jfisser għalik? Agħti ħarsa hawn taħt.
... meta tixrob l-ilma u tiekol
⸺
L-ikel kullimkien fl-UE jrid jissodisfa rekwiżiti tas-sikurezza stretti ħafna - fil-fatt fost l-aktar stretti madwar id-dinja.
Dan jiżgura li jkollok aċċess għal ikel sikur, ta' kwalità għolja u traċċabbli kullimkien fl-UE kif ukoll tikkettar ċar tal-oriġini u l-kompożizzjoni tal-prodotti li tixtri.
Biex il-protezzjoni tiegħek tiġi żgurata fi kwalunkwe pajjiż tal-UE, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-ikel jaqsmu l-informazzjoni bejniethom meta jidentifikaw prodott tal-ikel potenzjalment riskjuż.
Għandek aċċess għal standards għolja tal-ikel u tal-ilma tax-xorb
Bħal fil-każ tal-ikel, bħala xi ħadd li jgħix fl-UE, tista' tgawdi l-ogħla standards fid-dinja għall-ilma tax-xorb.
Bis-saħħa ta' aktar minn 30 sena ta' politika tal-UE fil-qasam, għandek aċċess għal ilma tax-xorb ta' kwalità għolja u sikur meta:
- tixrob l-ilma tal-vit
- tinħasel
- taħsel il-ħwejjeġ tiegħek
L-aħħar reviżjoni tar-regoli dwar il-kwalità tal-ilma hija riżultat dirett ta' inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej, li hija mod ieħor għalik u għal kwalunkwe ċittadin biex issemmgħu leħinkom fil-politiki li jaffettwaw il-ħajja ta' kuljum tagħkom.
... meta tmur tixtri
⸺
Meta tixtri oġġetti jew servizzi, kemm online kif ukoll f'ħanut, tista' tgawdi minn regoli ċari li jipproteġuk bħala konsumatur.
Ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jiggarantixxu lil kulħadd id-dritt li jiġi ttrattat b'mod ġust, kif ukoll id-dritt għal informazzjoni korretta u trasparenti dwar dak li tixtri. Pereżempju l-imposti u t-tariffi kollha jridu jiġu indikati b'mod ċar meta jiġi bbukkjat biljett tal-ajru.
Minbarra dan, hemm garanzija minima ta' sentejn fuq l-oġġetti kollha. Dan ifisser li jekk l-oġġetti li xtrajt jirriżultaw difettużi jew ma jkunux kif reklamati, il-kummerċjant irid isewwihom jew jissostitwixxihom, inaqqas il-prezz jew joffrilek rifużjoni sħiħa.
L-oġġetti tiegħek huma garantiti għal sentejn
Meta tixtri prodott jew servizz online jew barra minn ħanut, inti għandek ukoll id-dritt li tikkanċella u tirritorna l-ordni fi żmien 14-il jum, mingħajr ebda ġustifikazzjoni.
U kwalunkwe ħaġa li tixtri għandha tikkonforma mar-regoli ġenerali tas-sikurezza.
L-oġġetti tiegħek huma sikuri
Il-marka CE tiċċertifika li l-oġġetti huma sikuri, pereżempju meta tixtri ġugarell għat-tfal.
Dan l-istandard tal-UE jiggarantixxi li s-sustanzi kimiċi li jistgħu jikkawżaw il-kanċer jew elementi tqal bħall-merkurju ma jiġux permessi fil-partijiet aċċessibbli tal-ġugarelli lil hinn minn limiti stretti.
... meta tuża l-internet
⸺
Meta tkun fuq il-web, titħares mill-aktar liġi dwar il-privatezza u s-sigurtà b'saħħitha fid-dinja.
Bis-saħħa tar-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR), għandek aktar kontroll fuq id-data personali tiegħek online. Għandek id-dritt li taċċessa, tibdel jew tħassar id-data tiegħek.
Il-privatezza tiegħek tiġi rispettata
Bl-istess mod, l-att dwar l-intelliġenza artifiċjali, li huwa l-ewwel liġi li qatt irregolat l-intelliġenza artifiċjali, ser jiżgura li s-soluzzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali użati fl-Unjoni Ewropea jkunu etiċi u jirrispettaw il-privatezza tiegħek. Dan ifisser, pereżempju, li magna mhux ser tiddeċiedi inti tistax tikseb self jew le fuq il-bażi ta' data pproċessata awtomatikament.
Barra minn hekk, skont il-liġi tal-UE, ir-reklamaturi huma pprojbiti milli jimmiraw reklami lejk fuq il-bażi tad-data personali sensittiva tiegħek (l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, ir-reliġjon, jew it-twemmin politiku).
Tista' tirrapporta kontenut illegali
Din il-ġabra ġdida ta' regoli għandha l-għan ukoll li tħarsek minn oġġetti, kontenut jew servizzi online illegali. Pereżempju, tista' tavża lil pjattaformi online dwar prodotti illegali jew tindika diskors ta' mibegħda.
Ir-regoli japplikaw għal kwalunkwe negozju online li jopera fl-UE – irrispettivament minn fejn ikun ibbażat.
... meta toħroġ barra
⸺
Ħafna annimali u għasafar madwarek huma mħarsa mil-liġi. U huma mħarsa wkoll il-ħabitats tagħhom.
Miżuri maqbula fil-livell tal-UE jgħinu biex jitħarsu n-natura u l-bijodiversità tagħha.
18% tat-territorju tal-art tal-UE huwa protett min-network Natura 2000 bl-għan li jitħarsu speċijiet u żoni naturali mhedda. Jiġu ffinanzjati miżuri ta' konservazzjoni biex jiġu sostnuti l-popolazzjonijiet ta' speċijiet bħall-linċi tal-Iberja u l-fekruna tal-baħar.
In-natura madwarek hija protetta
Organiżmi selvaġġi u ħabitats b'saħħithom huma importanti għalik f'ħafna modi:
- id-dakkara jgħinu fil-produzzjoni tal-ikel tagħna
- is-siġar jipprovdulna arja nadifa
- ambjent b'saħħtu jista' jgħin il-benesseri mentali tiegħek
Issib arja aħjar meta tieħu n-nifs
Il-pajjiżi tal-UE għandhom ukoll miżuri stretti fis-seħħ biex jiżguraw li meta tieħu n-nifs, issib arja li tilħaq standards għoljin.
Dan ifisser li l-kwantità ta' sustanzi niġġiesa tal-arja li nkunu esposti għaliha, bħal materja partikolata fina jew ożonu, trid tibqa' taħt limiti stretti ħafna. B'mod konkret, mill-1990, kien hemm tnaqqis ta' 70% fl-emissjonijiet tas-sitt sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin.
... meta timrad jew tweġġa'
⸺
Inti jew xi ħadd ta' madwarek kellu inċident jew emerġenza medika? Tkun fejn tkun fl-UE, tista' ċċempel in-numru 112 mingħajr ħlas minn kwalunkwe telefown fiss jew mobbli biex iċċempel għal ambulanza u assistenza ta' emerġenza.
Tista' ċċempel in-numru 112 kullimkien fl-UE
Jekk timrad jew ikollok inċident waqt żjara temporanja barra minn pajjiżek, għandek dritt għall-istess trattament mediku bħall-persuni assigurati fil-pajjiż fejn tinsab. Il-karta Ewropea tal-assigurazzjoni tas-saħħa tiegħek hija l-prova li għandek assigurazzjoni f'pajjiż tal-UE.
U jekk tiġi preskritta kwalunkwe mediċina jew vaċċin, tista' sserraħ rasek: l-UE tirregola l-awtorizzazzjoni tal-mediċini fil-livell tal-UE permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini jew f'livell nazzjonali permezz tal-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiżi tal-UE. Ladarba jkun fis-suq, is-sikurezza ta' prodott mediċinali tkompli tiġi sorveljata tul il-ħajja kollha tiegħu.
... meta tkun trid titgħallem jew taħdem barra minn pajjiżek
⸺
Għal aktar minn 35 sena, il-programm Erasmus+ offra aktar minn 12-il miljun parteċipant opportunitajiet biex iwessgħu l-orizzonti tagħhom billi għenhom jiżviluppaw u jaqsmu l-għarfien f'pajjiżi differenti.
Tista' tieħu sehem fil-programm Erasmus +
F'dawn l-aħħar snin, il-programm issaħħaħ u sar aktar inklużiv. Dan ifisser li tista' tipparteċipa f'Erasmus+:
- irrispettivament jekk intix tifel jew tifla tal-iskola, student, trainee, persuna li taħdem maż-żgħażagħ, student adult jew studenta adulta, jew membru tal-persunal li jgħallem jew tal-persunal sportiv
- hu x'inhu l-isfond kulturali, soċjali jew ekonomiku tiegħek
- hi x'inhi l-età tiegħek
U jekk inti riċerkatur jew riċerkatriċi, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jistgħu jgħinuk tiżviluppa l-karriera tiegħek bis-saħħa ta' għotjiet għall-mobbiltà u opportunitajiet ta' taħriġ u kollaborazzjoni.
M'għandek bżonn ebda permess tax-xogħol
Bħala ċittadin tal-UE, għandek dritt ukoll taħdem — għal impjegatur jew bħala persuna li taħdem għal rasha — kullimkien fl-UE mingħajr permess tax-xogħol.
U jekk inti negozjant jew negozjanta kummerċjali, tista' tbigħ il-prodotti tiegħek fis-suq kollu tal-UE mingħajr ebda spiża żejda u mingħajr limiti fir-rigward tal-kwantità, sakemm dawn jissodisfaw ir-rekwiżiti standard tal-UE.
... meta tagħmel pagament
⸺
L-euro ilha l-munita waħdanija f'ħafna pajjiżi tal-UE għal 25 sena. Dan jagħmilha aktar faċli li jinxtraw oġġetti u servizzi fil-pajjiżi kollha tal-euro.
Il-pagamenti bl-euro bejn il-banek f'pajjiżi differenti wkoll jiswew l-istess bħall-pagamenti domestiċi.
Il-flus imfaddla tiegħek huma protetti
Il-liġi tal-UE tipproteġi l-flus imfaddla tiegħek fil-bank. Jekk il-bank tiegħek ifalli, tista' titħallas lura sa €100 000 ta' flus imfaddla mitlufin, u tirċevihom fi żmien sebat ijiem biss.
U hemm aktar.
Illum, meta tagħmel trasferiment ta' flus, il-benefiċjarju spiss jirċevih fil-jum ta' negozju li jmiss. Dan ser jinbidel!
Ser tittrasferixxi l-flus f'10 sekondi
L-UE adottat regoli ġodda li ser jippermettulek tibgħat u tirċievi pagamenti istantanji f'euro:
- fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata
- mingħajr spejjeż żejda
- f'pajjiżek jew lejn jew minn kwalunkwe stat membru ieħor tal-UE
... meta tivvjaġġa
⸺
Bħala ċittadin tal-UE, għandek id-dritt li tivvjaġġa liberament fis-27 pajjiż tal-UE b'passaport validu jew karta tal-identità nazzjonali.
Għandek drittijiet tal-passiġġieri b'saħħithom
Kemm jekk tivvjaġġa bl-ajru, bil-ferrovija, bil-vapur jew bix-xarabank, ir-regoli tal-UE jiżguraw ukoll il-protezzjoni tiegħek f'każ ta':
- kanċellazzjoni
- tluq ittardjat
- wasla tard
- bagalji mitlufa jew li saritilhom il-ħsara
- korriment matul il-vjaġġ
Jista' jiġi offrut lilek, skont iċ-ċirkostanzi, rimborż sħiħ jew parzjali, rotta differenti, prenotazzjoni mill-ġdid, ikel, akkomodazzjoni jew kumpens mill-fornitur tal-ivvjaġġar.
Jekk għandek diżabilità jew mobbiltà mnaqqsa:
- ma jistax jiġi rifjutat it-trasport tiegħek
- trid tirċievi informazzjoni dwar il-vjaġġ tiegħek f'format aċċessibbli
- għandek dritt għal assistenza mingħajr ħlas fit-terminals u abbord
U tinkwetax jekk ikollok bżonn tagħmel telefonata, tibgħat messaġġ jew tuża l-internet, ma jkollok għalfejn tħallas ebda tariffa addizzjonali bis-saħħa tar-regoli tal-UE dwar ir-roaming!
Tista' tikseb għajnuna barra mill-UE
Madankollu, jekk ikollok bżonn assistenza barra mill-UE u pajjiżek ma jkollux ambaxxata jew konsulat fil-post fejn tkun qed toqgħod, tista' tfittex għajnuna mill-ambaxxata jew il-konsulat ta' stat membru ieħor, pereżempju jekk ikollok inċident jew marda serja.
Sir af aktar
Kif isiru l-liġijiet tal-UE?
Il-maġġoranza tal-liġijiet tal-UE jiġu adottati b'mod konġunt mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jlaqqa' flimkien il-gvernijiet tal-istati membri tal-UE, u mill-Parlament Ewropew. Iż-żewġ istituzzjonijiet jaqblu dwar liġijiet ġodda bbażati fuq proposti ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea. Aktar
X'inhi ċ-ċittadinanza tal-UE?
Bħala ċittadin jew ċittadina ta' wieħed mis-27 pajjiż tal-UE, int ukoll ċittadin tal-UE. Li tkun ċittadin tal-UE jfisser li tgawdi minn sensiela ta' drittijiet, libertajiet u protezzjonijiet legali, fil-pajjiżi kollha tal-UE. Barra minn hekk, tista' taqdi rwol attiv fil-proċess demokratiku, billi tivvota jew tikkontesta fl-elezzjonijiet lokali u tal-Parlament Ewropew, anke jekk qed tgħix f'pajjiż ieħor tal-UE. Aktar
Għandek mistoqsijiet dwar l-UE?
Ikkuntattja lil Europe Direct bit-telefown jew bil-posta elettronika jew żur il-portal Your Europe biex tikseb informazzjoni, għajnuna u pariri aġġornati dwar id-drittijiet tiegħek bħala ċittadin tal-UE (eż. vjaġġar, xogħol u rtirar, xiri, tmexxija ta' negozju) bil-lingwa tiegħek. Aktar
Din l-istorja hi prodotta mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. Is-Segretarjat iservi kemm lill-Kunsill Ewropew, li huwa l-istituzzjoni tal-UE li tistabbilixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Kunsill tal-UE, li jlaqqa' flimkien il-ministri tal-gvernijiet nazzjonali minn kull wieħed mis-27 pajjiż tal-UE. Il-ministri jiltaqgħu f'konfigurazzjonijiet differenti biex jiddiskutu u jiddeċiedu dwar il-leġiżlazzjoni f'bosta oqsma ta' politika, bħat-trasport, il-kummerċ u l-ambjent. Żur is-sit web tagħna











