Skip to content

Il-protezzjoni tad-data fl-UE

L-UE għandha l-aktar regoli iebsa għall-protezzjoni tad-data fid-dinja. Il-protezzjoni tad-data personali titqies li hija dritt fundamentali fl-UE.

Data personali fl-era diġitali

Żviluppi teknoloġiċi mgħaġġla fl-aħħar żewġ deċennji ħolqu sfidi ġodda għall-protezzjoni tad-data personali. L-iskala tal-kondiviżjoni u l-ġbir tad-data kibret b'mod esponenzjali, kultant fuq livell globali, u l-individwi qed jagħmlu dejjem aktar l-informazzjoni personali disponibbli pubblikament.

L-integrazzjoni ekonomika u soċjali li tirriżulta mill-operat tas-suq intern wasslet ukoll għal żieda sostanzjali fil-flussi transfruntiera ta' data.

Biex jittieħed kont sħiħ ta' dawn l-iżviluppi kollha u tiġi promossa l-ekonomija diġitali, jeħtieġ jiġi żgurat livelli għoli ta' protezzjoni tad-data personali, waqt li fl-istess ħin ikun permess il-moviment liberu ta' dik id-data.

Fil-każ ta' data personali użata għal skopijiet ta' infurzar tal-liġi, hemm bżonn dejjem jikber li l-awtoritajiet fl-istati membri jipproċessaw u jiskambjaw id-data bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità u t-terroriżmu tranżnazzjonali.

F'dan il-kuntest, regoli ċari u konsistenti dwar il-protezzjoni tad-data fil-livell tal-UE huma fundamentali biex titjieb il-kooperazzjoni bejn dawk l-awtoritajiet.

Il-protezzjoni tad-data bħala dritt fundamentali

Mill-iffirmar tat-Trattat ta' Liżbona fl-2007, il-protezzjoni tad-data personali saret dritt fundamentali skont id-dritt tal-UE, rikonoxxut minn:

  • it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
  • il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE

Dan ifisser li l-UE għandha bażi legali speċifika biex fuqha tadotta leġiżlazzjoni li tipproteġi dan id-dritt fundamentali.

L-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jistipula li kull persuna fl-UE għandha d-dritt għal:

  • protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha
  • aċċess għal data miġbura li tirrigwardaha, u d-dritt għar-rettifika tagħha

Eżempji ta' data personali

  • in-numru tal-karta ta' identifikazzjoni
  • data ta' lokalizzazzjoni, pereżempju l-funzjoni tad-data ta' lokalizzazzjoni fuq mowbajl
  • l-indirizz tal-Protokoll tal-Internet (IP)
  • l-id tal-cookie
  • l-identifikatur tar-reklamar tat-telefown tiegħek
  • id-data miżmuma minn sptar jew tabib, li jista' jkun simbolu li jidentifika persuna b'mod inekwivokabbli

Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR)

Ir-regolament ġenerali tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR) ġie adottat fl-2016 u daħal fis-seħħ f'Mejju 2018.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) tal-UE ġie adottat fl-2016 u daħal fis-seħħ f'Mejju 2018.

Id-dħul fis-seħħ tal-GDPR ifisser li hemm sett wieħed ta' regoli dwar il-protezzjoni tad-data għall-kumpaniji kollha li joperaw fl-UE, ikunu fejn ikunu bbażati.

Ir-regoli aktar qawwija introdotti mill-GDPR ifissru li:

  • in-nies għandhom aktar kontroll fuq id-data personali tagħhom
  • in-negozji jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni

Il-GDPR jagħti lin-nies kontroll akbar fuq kif id-data tagħhom tintuża online, inkluż fir-rigward tas-servizzi online, ir-reklamar u l-ipproċessar awtomatizzat.

Direttiva dwar il-protezzjoni tad-data fl-infurzar tal-liġi

Din id-direttiva dwar il-protezzjoni tad-data personali pproċessata għall-finijiet tal-infurzar tad-dritt kriminali għandha l-għan li tipproteġi d-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-data personali tagħhom filwaqt li tiggarantixxilivell għoli ta' sigurtà pubblika.

Tapplika kemm għall-ipproċessar transfruntier kif ukoll għal dak nazzjonali tad-data mill-awtoritajiet kompetenti tal-istati membri għall-finijiet tal-infurzar tad-dritt kriminali.

Id-direttiva kienet adottata fl-2016 u daħlet fis-seħħ fl-2018.

Tarka blu trasluċida b'disinn sottili tan-network tinsab quddiem xibka tonda ta' tikek sofor konnessi, li tissimbolizza l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.
Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data

Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data

Ikona ta' katnazz diġitali li jiddi fuq sfond ta' bord ta' ċirkwit blu, li tissimbolizza s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data.
Protezzjoni ta' data fl-infurzar tal-liġi

Protezzjoni ta' data fl-infurzar tal-liġi

Gamiema bajda ttir ħdejn ktieb miftuħ, b'ċirku isfar fl-isfond.
Id-drittijiet fundamentali fl-UE

Id-drittijiet fundamentali fl-UE

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Ġunju 2026