"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Kwalità tal-arja

It-tniġġis tal-arja huwa l-akbar riskju għas-saħħa b'rabta mal-ambjent fl-Ewropa. Ir-regoli l-ġodda tal-UE ser itejbu b'mod sinifikanti l-kwalità tal-arja u jnaqqsu l-imwiet relatati mat-tniġġis.

Tniġġis tal-arja fl-UE

It-tniġġis tal-arja huwa kawża ewlenija ta' mard u mwiet bikrija fl-Ewropa. Il-materja partikolata fina (PM2.5) b'mod partikolari tista' tidħol fil-fond fil-pulmuni u fil-fluss tad-demm u hija responsabbli għall-ogħla numru ta' mwiet bikrija fl-Ewropa.

Fl-2022, it-tniġġis tal-arja kkawża madwar 350 000 mewta prematura fl-Ewropa, inkluż 239 000 mewta minħabba l-PM2.5 biss. Dan jaqbeż b'aktar minn 11-il darba l-għadd ta' persuni li jitilfu ħajjithom f'inċidenti tat-traffiku (20 634 fl-2022).

Mill-1990, l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa tal-arja fl-UE naqsu, iżda l-livelli tat-tniġġis għadhom jaqbżu l-istandards rakkomandati. Skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, fl-2023, 94% tan-nies li jgħixu fil-bliet tal-UE kienu esposti għal konċentrazzjonijiet ta' PM2.5 ogħla mill-aħħar livelli tal-linji gwida dwar il-kwalità tal-arja tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Kif l-UE tindirizza t-tniġġis tal-arja

Sa mis-snin 80 l-UE kellha miżuri stretti fis-seħħ biex tnaqqas it-tniġġis tal-arja.

L-atti leġiżlattivi ewlenin jistabbilixxu:

  • standards tal-kwalità tal-arja għall-arja (ambjentali) ta' barra
  • miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-sustanzi niġġiesa tal-arja ewlenin

F'Ottubru 2024, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw direttiva li tistabbilixxi standards aġġornati tal-kwalità tal-arja madwar l-UE. Ir-regoli l-ġodda stabbilew valuri ta' limitu vinkolanti għall-2030 bħala pass intermedju lejn il-kisba tal-objettiv ta' tniġġis żero u jikkontribwixxi għal ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi fl-UE sal-2050.

Ħafna atti legali oħra jgħinu wkoll biex tittejjeb il-kwalità tal-arja fl-UE, bħar-regoli dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra fis-setturi ekonomiċi kollha, l-istandards tal-vetturi Euro 7 u r-regoli dwar l-emissjonijiet industrijali.

Regoli ġodda tal-UE dwar il-kwalità tal-arja

Id-direttiva l-ġdida tal-UE dwar il-kwalità tal-arja ((UE) 2024/2881) għaqqdet u ssostitwiet id-direttivi preċedenti dwar il-kwalità tal-arja (2004/107/KE u 2008/50/KE).

Tappoġġa l-għan tal-Patt Ekoloġiku Ewropew li t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal livelli li ma jibqgħux ta' ħsara sal-2050.

L-istati membri tal-UE għandhom jinkorporaw id-direttiva fid-dritt nazzjonali sal-11 ta' Diċembru 2026.

Il-bidliet ewlenin jinkludu:

  • standards tal-kwalità tal-arja tal-UE aktar stretti għall-2030, eqreb lejn il-linji gwida tad-WHO tal-2021, li jirriflettu l-aħħar xjenza dwar kif it-tniġġis tal-arja jaffettwa s-saħħa
  • dritt ġdid biex in-nies jitolbu kumpens jekk saħħithom issirilha ħsara minħabba ksur tar-regoli

Standards tal-kwalità tal-arja aktar b'saħħithom

Id-direttiva l-ġdida tistabbilixxi standards tal-kwalità tal-arja aktar stretti għal 13-il sustanza niġġiesa għall-2030, inklużi l-PM2.5, il-PM10, id-diossidu tan-nitroġenu u l-ożonu. L-istandard ikopri l-limiti tal-emissjonijiet, l-obbligi tat-tnaqqis tal-esponiment medju u l-livelli limiti ta' allert, fost affarijiet oħra.

Għall-materja partikolata fina (PM2.5), il-valur ta' limitu annwali ser jitnaqqas b'aktar min-nofs sal-2030:

  • standard preċedenti tal-UE: 25 µg/m³
  • l-standard ġdid tal-UE: 10 µg/m³
  • il-linja gwida tad-WHO: 5 µg/m³

Il-limiti aktar stretti mistennija li jnaqqsu l-imwiet prematuri marbuta mal-PM2.5 b'75% fi żmien 10 snin.

Il-Kummissjoni trid tirrieżamina regolarment l-evidenza xjentifika biex tivverifika jekk l-istandards riveduti tal-kwalità tal-arja humiex effettivi fil-protezzjoni tas-saħħa.

Taħt ċerti kundizzjonijiet, l-istati membri jistgħu jitolbu posponiment tal-iskadenza għall-konformità mal-valuri ta' limitu tal-kwalità tal-arja.

Aċċess għall-ġustizzja u dritt għal kumpens

Ir-regoli l-ġodda jsaħħu d-dritt għall-arja nadifa u l-aċċess għall-ġustizzja. In-nies u l-organizzazzjonijiet, inkluż l-NGOs, b'interess suffiċjenti jistgħu jikkontestaw kif tiġi implimentata d-direttiva.

Għall-ewwel darba, l-istati membri tal-UE jridu jiżguraw li n-nies ikunu jistgħu jitolbu u jiksbu kumpens meta tkun saret ħsara għas-saħħa tagħhom b'riżultat ta' ksur intenzjonat jew negliġenti tar-regoli nazzjonali li jittrasponu d-direttiva.

Ippjanar u monitoraġġ aħjar

Meta l-livelli ta' sustanzi niġġiesa jaqbżu l-valuri ta' limitu u dawk fil-mira, id-direttiva tirrikjedi li l-istati membri jistabbilixxu pjanijiet direzzjonali u pjanijiet oħra dwar il-kwalità tal-arja. Huma jridu jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsu t-tniġġis u jżommu l-perjodu ta' superament qasir kemm jista' jkun.

Barra minn hekk, id-direttiva ssaħħaħ ir-rekwiżiti għall-monitoraġġ u l-immudellar tal-kwalità tal-arja. Data aħjar ser tgħin lill-awtoritajiet jimmaniġġaw il-kwalità tal-arja, jippjanaw miżuri ta' prevenzjoni u jinfurzaw ir-regoli b'mod aktar effettiv.

Tniġġis transfruntier u informazzjoni pubblika

It-tniġġis tal-arja spiss jaqsam il-fruntieri, għalhekk l-istati membri għandhom jikkooperaw biex jidentifikaw is-sorsi tat-tniġġis tal-arja u l-miżuri meħtieġa biex jindirizzawhom, u biex jippjanaw azzjoni koordinata.

Għandhom iżidu wkoll l-isforzi tagħhom biex jinfurmaw lill-pubbliku dwar il-kwalità tal-arja.

Ara wkoll

Il-paġna tippreżenta l-aħħar data dwar it-tniġġis tal-arja fl-Ewropa, kif ukoll fatti dwar kif it-tniġġis jaffettwa s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

It-tniġġis tal-arja fl-UE: fatti u ċifri

Impjant tal-enerġija industrijali bi ċmieni kbar idaħħnu fl-arja.

Emissjonijiet industrijali

L-infografika tippreżenta l-istat tan-natura fl-UE abbażi tal-aħħar rapporti xjentifiċi.

F'liema stat tinsab in-natura fl-UE?

L-aħħar reviżjoni: 18 ta' Ġunju 2026