"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Att dwar is-Servizzi Diġitali

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) huwa l-ewwel regolament għall-qasam diġitali fid-dinja li jagħmel lill-kumpaniji diġitali madwar l-UE responsabbli għall-kontenut imqiegħed fuq il-pjattaformi tagħhom.

X'inhu l-Att dwar is-Servizzi Diġitali?

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jiffoka fuq il-ħolqien ta' ambjent online aktar sikur għall-utenti u l-kumpaniji diġitali, u fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-ispazju diġitali billi jistabbilixxi regoli ġodda dwar:

  • il-ġlieda kontra l-kontenut illegali online, inkluż oġġetti, servizzi u informazzjoni, b'rispett sħiħ għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali
  • l-indirizzar tar-riskji għas-soċjetà online
  • it-traċċabbiltà tal-kummerċjanti fi swieq online
  • miżuri ta' trasparenza għall-pjattaformi online
  • superviżjoni msaħħa

Il-Kunsill adotta d-DSA fl-4 ta' Ottubru 2022. Ir-regoli l-ġodda bdew japplikaw mis-17 ta' Frar 2024.

Id-DSA huwa parti mill-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali li għandu l-għan, flimkien mal-Att dwar is-Swieq Diġitali, li:

  • jiżgura li l-utenti diġitali jkollhom aċċess għal prodotti sikuri u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-utenti
  • jippermetti kompetizzjoni ħielsa u leali fis-setturi diġitali biex tagħti spinta lill-innovazzjoni u t-tkabbir
Mappa stilizzata tal-Ewropa sovrapposta b'ikoni f'network u figuri umani żgħar, li turi s-servizzi diġitali interkonnessi, is-sigurtà, u s-swieq online madwar l-Unjoni Ewropea.

L-Att dwar is-Swieq Diġitali

Miżuri ġodda

Il-pjattaformi diġitali jridu jimplimentaw sensiela ta' miżuri biex jipproteġu aħjar lill-utenti u jtejbu t-trasparenza.

Jiġġieldu kontra l-kontenut illegali u jkollhom reazzjoni pronta għalih (aħbarijiet foloz, propaganda, diskors ta' mibegħda, fastidju u abbuż tat-tfal), u jħallu lill-utenti jissenjalaw tali kontenut.

Jiġġieldu l-bejgħ ta' prodotti u servizzi illegali.

Jużaw għodod ta' moderazzjoni tal-kontenut li jinkludu l-għażla li jiġu kkontestati deċiżjonijiet meta l-kontenut tal-utenti jitneħħa jew jiġi ristrett.

Iżidu t-trasparenza għall-utenti rigward it-termini u l-kundizzjonijiet u kif l-algoritmi jirrakkomandaw il-kontenut.

Jipprojbixxu r-reklamar għat-tfal u l-użu ta' data personali sensittiva biex jiġu mmirati r-reklami (ġeneru, orjentazzjoni sesswali, razza, reliġjon, jew twemmin politiku).

Jipprojbixxu "dark patterns", jiġifieri interfaċċi qarrieqa ddisinjati intenzjonalment biex iqarrqu bl-utenti, pereżempju, biex jabbonaw għal servizzi mingħajr ma jindunaw.

Kumpaniji koperti

Il-kumpaniji intermedjarji online kollha li jikkollegaw lill-utenti mal-kontenut, il-prodotti u s-servizzi fis-suq uniku tal-UE, kemm jekk ikunu stabbiliti fl-Unjoni kif ukoll jekk barra minnha, iridu jsegwu d-DSA.

Swieq online

Networks soċjali

Pjattaformi ta' kondiviżjoni tal-kontenut

Pjattaformi online għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni

Ir-regoli huma proporzjonati għad-daqs u l-impatt tal-kumpaniji fuq is-soċjetà. Il-pjattaformi żgħar ħafna huma eżentati mill-biċċa l-kbira tal-obbligi.

Għall-pjattaformi online kbar ħafna (VLOPs) u għall-magni tat-tiftix (VLOSEs) b'aktar minn 45 miljun utent attiv japplikaw regoli aktar stretti, meta jitqies ir-rwol ewlieni li għandhom fil-kummerċ elettroniku, fit-tixrid tal-informazzjoni u fl-iffaċilitar tal-iskambju ta' opinjonijiet u ideat.

Il-Kummissjoni Ewropea identifikat 23 VLOP u 2 VLOSEs:

  • AliExpress
  • Amazon Store
  • AppStore
  • Bing
  • Booking.com
  • Facebook
  • Google Play
  • Google Maps
  • Google Search
  • Google Shopping
  • Instagram
  • LinkedIn
  • Pinterest
  • Pornhub
  • Shein
  • Snapchat
  • Stripchat
  • Temu
  • TikTok
  • Wikipedia
  • X (qabel magħruf bħala Twitter)
  • XNXX
  • XVideos
  • YouTube
  • Zalando

Dawn huma wħud mir-rekwiżiti addizzjonali li d-DSA jintroduċi għal kumpaniji bħal dawn:

  • l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' mitigazzjoni, soġġetti għal awditi, għar-riskji sistemiċi li joħolqu, bħad-diżinformazzjoni, il-manipulazzjoni matul il-proċessi elettorali, il-vjolenza ċibernetika kontra n-nisa, jew l-abbuż ta' minorenni
  • il-kondiviżjoni ta' data mar-riċerkaturi u mal-awtoritajiet
  • il-possibbiltà li l-utenti jiddeċiedu jekk jixtiqux jirċievu rakkomandazzjonijiet personalizzati u, jekk iva, kif (pereżempju, mhux abbażi tat-tiftix online tagħhom)

X'jiġri jekk il-kumpaniji ma jikkonformawx mar-regoli?

Il-kumpaniji li ma jsegwux id-DSA jiffaċċaw penali u multi proporzjonati għad-daqs tagħhom:

  • kumpaniji b'inqas minn 45 miljun utent attiv jistgħu jingħataw penali, inkluż multi, kif stabbilit fil-liġijiet nazzjonali tal-istati membri
  • kumpaniji b'aktar minn 45 miljun utent attiv jistgħu jingħataw multi sa 6% tal-fatturat globali tagħhom

Benefiċċji tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali

Id-DSA jissalvagwarda d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, b'mod partikolari ċ-ċittadini tal-UE.

Setgħa mogħtija lill-utenti

L-utenti online fl-UE jingħataw is-setgħa li jkollhom aktar kontroll fuq dak li jaraw online, u sabiex ikunu kapaċi jifhmu jew jiġu infurmati dwar ir-reklami li jirċievu. L-utenti jkunu jistgħu jirrappurtaw kontenut illegali, u l-pjattaforma mbagħad tkun obbligata tinnotifikahom bid-deċiżjonijiet li jieħdu.

Trasparenza

Il-liġi żżid it-trasparenza tar-regoli għall-moderazzjoni tal-kontenut online, filwaqt li tipprovdi aċċess akbar għad-data għall-awtoritajiet u r-riċerkaturi sabiex dawn jifhmu aħjar l-ispazju online, l-impatt tiegħu fuq is-soċjetà u r-riskji possibbli.

Protezzjoni tal-minorenni

Il-pjattaformi aċċessibbli lill-minorenni huma pprojbiti milli juru reklamar immirat ibbażat fuq l-użu ta' data personali tal-minorenni kif definit fid-dritt tal-UE.

Ġlieda kontra d-diżinformazzjoni

Il-pjattaformi għandhom jieħdu miżuri biex jindirizzaw ir-riskji marbuta mat-tixrid ta' kontenut illegali online. Jeħtieġ li jkollhom stabbilit mekkaniżmu għall-utenti biex jissenjalaw kontenut illegali u jaġixxu malajr fuq in-notifiki.

Mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet

Fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna u l-impatt fuq il-manipulazzjoni tal-informazzjoni online, fit-test tar-regolament żdied artikolu ġdid li jintroduċi mekkaniżmu ta' rispons għall-kriżijiet.

Dan il-mekkaniżmu ser jagħmilha possibbli li jiġi analizzat l-impatt tal-attivitajiet tal-VLOPs u l-VLOSEs fuq il-kriżi inkwistjoni u li jittieħdu deċiżjonijiet dwar miżuri li għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

Ħajtek online: L-UE kif qed tagħmilha aktar faċli u sikura għalik?



L-Unjoni Ewropea qed taħdem b'mod attiv biex ittejjeb l-ambjent diġitali għall-benefiċċju tal-Ewropej kollha. Il-ħajja diġitali tagħna jeħtieġ li tkun sikura, faċli u tirrispetta l-libertajiet bażiċi.

Fid-dawl tal-aġġornamenti dwar iż-żewġ regolamenti ewlenin biex tiġi żgurata ħajja online aktar sikura u aktar faċli għall-utenti, sir af aktar permezz ta' artiklu dwar is-suġġett kif l-UE qed tagħmel il-ħajja online tiegħek aktar faċli u sikura.

Persuna wieqfa fuq skrivanija, tħares lejn laptop miftuħ u żżomm magg, fuq sfond grafiku sempliċi kulur blu u aħdar lewn in-nagħniegħ.

Ara wkoll

Mara mdaħħla fiż-żmien u tifla bilqiegħda flimkien jużaw tablet u laptop, b'ikona ta' tarka blu kbira ħdejhom, li tagħti impressjoni ta' użu protett jew aktar sikur tat-teknoloġija diġitali.

Kif l-UE tiġġieled il-kontenut ta' ħsara online

Tarka blu trasluċida b'disinn sottili tan-network tinsab quddiem xibka tonda ta' tikek sofor konnessi, li tissimbolizza l-protezzjoni u s-sigurtà tad-data.

Ir-regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data

Mitħna tar-riħ sempliċi tal-karti b'kuluri pastelli fuq stikka, murija fuq sfond ċar.

Prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal

L-aħħar reviżjoni: 5 ta' Awwissu 2025