Skip to content

Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tax-xiri

Il-konsumaturi tal-UE jistgħu jibbenefikaw minn regoli ċari li jipproteġuhom u jagħtuhom is-setgħa meta jixtru oġġetti jew servizzi, kemm online kif ukoll f'ħanut.

Garanzija legali ta' sentejn

Hemm garanzija legali minima ta' sentejn fuq l-oġġetti kollha.

Jekk l-oġġetti mixtrija jirriżultaw difettużi jew ma jkunux kif reklamati, il-kummerċjant irid isewwi, jissostitwixxi, inaqqas il-prezz jew joffri rifużjoni sħiħa.

Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal:

  • oġġetti użati li tixtri mingħand bejjiegħ professjonali (għalkemm jista' jintlaħaq qbil dwar perjodu iqsar, mhux inqas minn sena)
  • kontenut u servizzi diġitali (bħal apps tal-mowbajl, logħob tal-kompjuter jew abbonamenti għal cloud storage) u anke jekk tagħti l-kunsens tiegħek biex tipprovdi data personali minflok ma tħallas bil-flus

Oġġetti mixtrija mingħand individwi privati mhumiex koperti.

Dritt ta' rtirar

Meta jixtru prodott jew servizz online jew barra minn ħanut, il-konsumaturi għandhom id-dritt li jikkanċellaw u jirritornaw l-ordni fi żmien 14-il jum, mingħajr ebda ġustifikazzjoni.

Japplikaw xi eżenzjonijiet, bħal:

  • prenotazzjonijiet tal-lukandi, biljetti tal-ajru u tal-ferrovija
  • kontenut issiġillat, li jkun tneħħielu s-siġill
  • kuntratti urġenti ta' tiswija u manutenzjoni
  • oġġetti mixtrija mingħand individwi privati

Prodotti sikuri

L-UE stabbiliet miżuri biex tiżgura li l-prodotti li l-konsumaturi jsibu fis-suq tal-Unjoni, kemm online kif ukoll offline, ikunu sikuri.

Ir-regolament dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti, li beda japplika f'Diċembru 2024, għandu l-għan li:

  • jiżgura li l-prodotti teknoloġiċi ġodda (jiġifieri l-consoles tal-logħob, l-earplugs bla wajer, is-softwares) jissodisfaw l-istandards Ewropej tas-sikurezza
  • jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex isewwu, jirritornaw jew jissostitwixxu prodotti mhux sikuri

Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza tas-suq huma responsabbli biex jivverifikaw il-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti tal-UE. Jekk jidentifikaw riskju potenzjali għall-konsumaturi, huma ser jieħdu miżuri xierqa (sejħiet lura, sanzjonijiet, messaġġi ta' twissija) u jinfurmaw lil pajjiżi oħra tal-UE.

Grupp ta' kaxxi tal-kartun għat-tbaħħir immarkati b'simboli tal-immaniġġar u marka tas-sikurezza prominenti “CE”, flimkien ma' id li żżomm ikona ta' tarka blu b'marka bajda.
Sikurezza tal-prodotti u sorveljanza tas-suq

Sikurezza tal-prodotti u sorveljanza tas-suq

Sikurezza online

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali li beda japplika fi Frar 2024, għandu l-għan li jiżgura li l-utenti online jkollhom aċċess għal prodotti, kontenut u servizzi sikuri.

Il-pjattaformi diġitali li joperaw fl-UE huma meħtieġa jistabbilixxu sensiela ta' miżuri biex jipproteġu aħjar lill-utenti. Dawn jinkludu, pereżempju:

  • il-ġlieda kontra l-bejgħ ta' prodotti u servizzi illegali
  • il-projbizzjoni tar-reklamar għat-tfal u l-użu ta' data personali sensittiva biex jiġu mmirati r-reklami (ġeneru, orjentazzjoni sesswali jew twemmin politiku)
  • il-projbizzjoni ta' "dark patterns", jiġifieri interfaċċi qarrieqa ddisinjati intenzjonalment biex iqarrqu bl-utenti, pereżempju, biex jabbonaw għal servizzi mingħajr ma jindunaw

Dritt għat-tiswija tal-prodotti

L-UE żviluppat regoli speċifiċi biex tagħmel it-tiswija aktar faċli, irħas u aktar rapida.

Ir-regoli l-ġodda, adottati f'Ġunju 2024, jinkludu sett ġdid ta' drittijiet u għodod għall-konsumaturi:

  • id-dritt għall-konsumaturi li jitolbu lill-manifatturi biex isewwu prodotti li teknikament jistgħu jissewwew skont id-dritt tal-UE (pereżempju, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jew mobiles)
  • formola Ewropea ta' informazzjoni dwar it-tiswija mingħajr ħlas
  • pjattaforma ta' tiswija online biex il-konsumaturi jiġu konnessi mas-sewwejja
  • estensjoni ta' 12-il xahar tal-garanzija legali għall-prodott imsewwi
Tliet idejn separati, kull waħda żżomm għodda differenti fuq sfond ċar: spanner blu, martell b'manku aħdar, u tnaljetta b'manku aħdar.
Dritt għat-tiswija tal-prodotti

Dritt għat-tiswija tal-prodotti

Pagamenti

Iċ-ċittadini jew ir-residenti tal-UE ma jistgħux jintalbu prezz ogħla meta jixtru prodotti jew servizzi fl-UE sempliċiment minħabba n-nazzjonalità jew il-pajjiż ta' residenza tagħhom.

Il-kummerċjanti fl-UE mhumiex permessi wkoll jitolbu ħlas addizzjonali għall-użu ta' karti ta' kreditu jew ta' debitu.

Madankollu, meta jsir pagament f'muniti (tal-UE) għajr l-euro, jistgħu jiġġarrbu tariffi ta' konverżjoni u ta' tranżazzjoni barranija.

Informazzjoni ċara

Ir-regoli tal-UE jiżguraw li, meta jixtru oġġetti u servizzi fl-UE, il-konsumaturi jridu jiġu pprovduti bi:

  • informazzjoni ċara, korretta u li tinftiehem
  • informazzjoni dwar il-prezz totali, inkluż it-taxxi kollha, il-konsenja u l-imposti addizzjonali

Dan ifisser, pereżempju, li l-imposti u t-tariffi jridu jiġu indikati b'mod ċar meta wieħed jibbukkja biljett tal-ajru.

Ara wkoll

Mara frustrata bilqiegħda mal-art b'pakkett miftuħ fuq ħoġorha, titkellem fuq it-telefown, bi klassifikazzjoni ta' prodott bi stilla waħda tidher fuqha, li tissuġġerixxi lment ta' konsumatur dwar konsenja diżappuntanti.
Soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi

Soluzzjoni għat-tilwim tal-konsumaturi

Żewġ persuni waqt li qed jużaw il-mobiles jidhru fuq naħa u oħra ta' mappa tal-Unjoni Ewropea, b'linji kkurvati li jgħaqqduhom u jissuġġerixxu telefonati, messaġġi u użu tal-internet transfruntieri minn pajjiż tal-UE għal ieħor.
Protezzjoni tal-konsumatur: ċempel, ibgħat messaġġ u uża l-internet

Protezzjoni tal-konsumatur: ċempel, ibgħat messaġġ u uża l-internet

Raġel u mara bilwieqfa ħdejn xulxin, it-tnejn iżommu bagalja u lebsin backpack, lesti biex jivvjaġġaw.
Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

Protezzjoni tal-konsumatur: drittijiet tal-ivvjaġġar

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025