Ħatra tal-bord eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew
Il-bord eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jinħatar mill-Kunsill Ewropew fil-kompożizzjoni taż-żona tal-euro permezz ta' maġġoranza kwalifikata msaħħa.
Il-proċedura tal-ħatra għall-bord eżekuttiv tal-BĊE
-
1
Proposta
L-istati membri taż-żona tal-euro jipproponu kandidati.
-
2
Diskussjoni
Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti u jaqbel dwar kandidat.
-
3
Rakkomandazzjoni
Il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni lill-Kunsill Ewropew dwar il-ħatra.
-
4
Konsultazzjoni
Il-Kunsill Ewropew jikkonsulta lill-Parlament Ewropew u lill-kunsill governattiv tal-BĊE.
-
5
Opinjonijiet
Il-BĊE u l-Parlament Ewropew jadottaw l-opinjonijiet tagħhom.
-
6
Ħatra
Il-Kunsill Ewropew jadotta d-deċiżjoni tal-ħatra.
Ir-rwol tal-Kunsill Ewropew fil-ħatra
Il-Kunsill Ewropew jaħtar is-sitt membri tal-bord eżekuttiv, inkluż il-president u l-viċi president.
Huwa jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kunsill u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-kunsill governattiv tal-BĊE.
Il-Kunsill Ewropew fil-kompożizzjoni taż-żona tal-euro jiddeċiedi b'maġġoranza kwalifikata msaħħa. Peress li bħalissa hemm 21 pajjiż taż-żona tal-euro, dan ifisser li:
- mill-inqas 16-il pajjiż jridu jivvutaw favur
- dawk il-pajjiżi jridu jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni taż-żona tal-euro
Din il-proċedura hija stabbilita fl-Artikolu 283 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
L-eliġibbiltà u l-mandati tal-bord
Il-membri tal-bord eżekuttiv tal-BĊE jridu jissodisfaw rekwiżiti speċifiċi ta' eliġibbiltà u jservu mandati definiti.
Mandat
Maħtur għal mandat ta' tmien snin
Mandat li ma jiġġeddidx
Kriterji ta' eliġibbiltà
Irid ikun ċittadin ta' stat membru taż-żona tal-euro
Ikollu statura rikonoxxuta u esperjenza professjonali fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji
Il-bord eżekuttiv tal-BĊE
Il-bord eżekuttiv tal-BĊE jikkonsisti mill-president, il-viċi president u erba' membri oħra, kollha maħtura għal mandat ta' tmien snin li ma jiġġeddidx.
Fid-19 ta' Marzu 2026, il-Kunsill Ewropew ħatar lil Boris Vujčić bħala Viċi President tal-Bank Ċentrali Ewropew. Huwa ħa l-kariga fl-1 ta' Ġunju 2026, wara Luis de Guindos.
Il-President Christine Lagarde
Minn Novembru 2019
Viċi President Boris Vujčić
Minn Ġunju 2026
Piero Cipollone
Minn Novembru 2023
Frank Elderson
Minn Diċembru 2020
Philip R. Lane
Minn Ġunju 2019
Isabel Schnabel
Minn Jannar 2020
Il-kunsill governattiv tal-BĊE
Il-Kunsill governattiv huwa l-korp tat-teħid tad-deċiżjonijiet primarju tal-BĊE. Il-kunsill governattiv tal-BĊE:
- jistabbilixxi r-rati tal-imgħax għaż-żona tal-euro
- jiddeċiedi dwar miżuri ta' politika monetarja
- jiżgura l-istabbiltà tal-prezzijiet
- jadotta atti legali ewlenin u linji gwida
Il-kunsill governattiv huwa magħmul mill-bord eżekuttiv tal-BĊE u l-gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali tal-pajjiżi taż-żona tal-euro.
L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Ġunju 2026