"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Żur il-Kunsill

Skopri l-binjiet fejn jiltaqgħu l-mexxejja tal-UE u tgħallem kif il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-UE jsawru l-futur tal-Ewropa. Ingħaqad maż-żjarat u ż-żjarat iggwidati b'xejn tagħna.

Hemm diversi modi kif iżżur il-Kunsill:

  • esplora ċ-ċentru tal-viżitaturi tagħna u ż-żoni pubbliċi tal-Kunsill waħdek
  • itlob sessjoni ta' informazzjoni personalizzata ma' uffiċjal tal-Kunsill għal gruppi ta' 20 parteċipant jew aktar
  • ingħaqad ma' żjara ggwidata tal-binjiet tal-Kunsill nhar ta' Ġimgħa

Iż-żjarat kollha fil-Kunsill huma b'xejn u jridu jiġu bbukkjati.

Żjarat fi gruppi

Gruppi ta' mill-inqas 20 parteċipant jistgħu jżuru l-Kunsill u jitolbu sessjoni ta' informazzjoni fakultattiva u esklużiva mingħand membru tal-persunal tal-Kunsill.

Żjarat fi gruppi jistgħu jiġu organizzati fil-biċċa l-kbira tal-ġranet ta' fost il-ġimgħa bejn:

  • id-09:00 u l-11:00
  • is-13:30 u l-16:00

Ma jsirux żjarat fi gruppi matul ix-xahar ta' Awwissu.

Il-gruppi kollha jeħtieġ li jibbukkjaw iż-żjara tagħhom online. It-talba biex tibbukkja jeħtieġ li ssir mill-inqas 20 jum ta' xogħol qabel iż-żjara. Ladarba nirċievu t-talba tiegħek, membru mit-tim taż-żjarat tagħna jikkuntattjak biex jikkonferma ż-żjara tiegħek.

Sessjonijiet ta' informazzjoni

Il-gruppi jistgħu jitolbu sessjoni ta' informazzjoni esklużiva fejn espert tal-Kunsill jaqsam l-għarfien tiegħu, kif ukoll l-esperjenza tiegħu ta' xi jfisser li taħdem fil-Kunsill, "dar l-istati membri".

Is-sessjonijiet ta' informazzjoni tagħna:

  • jieħdu bejn siegħa u sagħtejn (skont il-programm)
  • huma disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE
  • huma adatti għal kull min għandu aktar minn 15-il sena

Sessjoni ta' informazzjoni fi grupp tagħtik iċ-ċans li tipparteċipa f'konverżazzjoni interattiva ma' wieħed mill-esperti tagħna u titgħallem u twessa' l-għarfien tiegħek dwar l-UE, ir-rwol tal-Kunsill tal-UE u l-Kunsill Ewropew.

Kif tibbukkja ż-żjara tiegħek fi grupp

Il-mexxej tal-grupp jew rappreżentant tal-istabbiliment edukattiv jew tal-korp tal-istudenti għandu jagħmel talba biex jibbukkja. Il-mexxej tal-grupp jagħti informazzjoni dwar il-grupp matul il-proċess ta' reġistrazzjoni u jkun il-punt ewlieni ta' kuntatt għall-grupp.

Għal raġunijiet ta' organizzazzjoni, nirriżervaw id-dritt li ngħaqqdu żewġ gruppi kompatibbli flimkien.

Iż-żjarat fi gruppi u s-sessjonijiet ta' informazzjoni tagħna huma popolari ħafna u nirrakkomandaw li jiġu bbukkjati minn qabel sew.

Biex ikollok aktar ċans tirriżerva d-data u l-ħin preferuti tiegħek, nirrakkomandaw li titlob biex tibbukkja mill-inqas tliet xhur qabel. Tista' tara l-kalendarju tad-dati disponibbli ladarba tibda l-proċess biex tibbukkja.

Fl-ebda każ ma nistgħu niggarantixxu li t-talba tiegħek tkun tista' tintlaqa'.

Individwi jew gruppi żgħar

Individwi u gruppi żgħar (inqas minn 20 persuna) jistgħu:

  • iżuru ċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill
  • jibbukkjaw waħda miż-żjarat iggwidati tal-binjiet tal-Kunsill li jsiru kull ġimgħa

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill

Żur iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill biex titgħallem dwar il-ħidma tal-Kunsill u tal-UE permezz ta' esperjenza multimedjali immersiva.

Id-dħul fiċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill huwa mingħajr ħlas.

Ħinijiet tal-ftuħ

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: 10:30 - 16:00 (10:00 - 13:00 f'Awwissu)

Iċ-ċentru tal-viżitaturi jkun magħluq:

  • fil-festi pubbliċi Belġjani
  • meta l-istituzzjonijiet tal-UE jkunu magħluqin
  • fil-jiem meta jkun hemm laqgħat tal-Kunsill Ewropew
  • bejn l-10 u l-14 ta' Awwissu 2026 minħabba xogħlijiet

Kif tibbukkja ż-żjara tiegħek

Meta tippjana li żżur iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill, jekk jogħġbok qis li:

  • iż-żjarat jistgħu jieħdu sa siegħa
  • il-kontenut huwa disponibbli bl-24 lingwa uffiċjali tal-UE
  • l-esperjenza hi adatta għal kull min għandu aktar minn 15-il sena
  • kull viżitatur għandu jiġi rreġistrat individwalment

Żjara fiċ-ċentru tal-viżitaturi ma tinkludix żjara ggwidata tal-binjiet tal-Kunsill. Madankollu, bħala viżitatur ikollok aċċess għaż-żoni pubbliċi tal-binjiet tal-Kunsill, fosthom is-sular t'isfel tal-ispazju b'arkitettura rinomata fil-bini Europa li għandu l-għamla ta' fanal.

Biex iżżur iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kunsill jeħtieġ tibbukkja online mill-inqas sebat ijiem ta' xogħol qabel.

Skopri l-ħidma tal-Kunsill fiċ-ċentru tal-viżitaturi tagħna

Żjarat iggwidati kull ġimgħa

Kull nhar ta' Ġimgħa fit-8:00 ta' filgħodu tista' tingħaqad ma' żjara ggwidata tal-binjiet tal-Kunsill, immexxija minn membru tal-persunal tal-Kunsill.

Waqt żjara ggwidata jkollok l-opportunità li tara l-ħidma interna tal-Kunsill, u titgħallem aktar dwar l-arkitettura tal-binjiet Justus Lipsius u Europa. Iż-żjara tinkludi waqfa fl-ispazju b'arkitettura rinomata fil-bini Europa li għandu l-għamla ta' fanal.

Iż-żjara hija adatta għal kull min għandu aktar minn 15-il sena u hija mingħajr ħlas.

Iż-żjarat iggwidati jdumu madwar siegħa u jsiru bil-Franċiż u bl-Ingliż.

Bidu kmieni jiżgura li l-viżitaturi jkunu jistgħu jaraw l-aktar partijiet importanti tal-bini Europa, li jingħalqu għall-viżitaturi tul il-bqija tal-ġurnata.

Billi l-Kunsill bħala istituzzjoni huwa post tax-xogħol, kultant ċerti żoni fil-binjiet jistgħu jingħalqu għall-pubbliku mingħajr avviż.

Jeħtieġ li ż-żjara tkun ibbukkjata. Trid tagħmel it-talba tiegħek għal prenotazzjoni mill-inqas sebat ijiem ta' xogħol qabel. L-ispazji jiġu allokati skont id-disponibbiltà tagħhom.

Żjarat iggwidati f'Awwissu

Matul ix-xahar ta' Awwissu, iż-żjarat iggwidati huma disponibbli tliet darbiet fil-ġimgħa, kif ġej:

  • It-Tlieta mid-09:00 sal-10:00
  • Il-Ħamis mill-14:00 sat-15:00
  • Il-Ġimgħa mid-09:00 sal-10:00
Europa: il-qalb tħabbat tal-Ewropa Ċrieki, ellissi u kaxex; fanal ġewwa kubu; taħlita ta' antik u ġdid… Il-bini Europa jgħaqqad il-forma mal-funzjoni u sar ikona politika u arkitettonika minn meta fetaħ għax-xogħol fl-2017. Ingħaqad magħna fi żjara affaxxinanti ta' dan il-bini emblematiku.

Europa: il-qalb tħabbat tal-Ewropa

Ċrieki, ellissi u kaxex; fanal ġewwa kubu; taħlita ta' antik u ġdid… Il-bini Europa jgħaqqad il-forma mal-funzjoni u sar ikona politika u arkitettonika minn meta fetaħ għax-xogħol fl-2017.

Ingħaqad magħna fi żjara affaxxinanti ta' dan il-bini emblematiku.

Informazzjoni prattika

Fejn għandek tiġi

Is-sessjonijiet ta' informazzjoni u ż-żjarat iggwidati jsiru fil-binjiet tal-Kunsill fi Brussell.

Żomm f'moħħok li l-kontrolli tas-sigurtà jaf jieħdu xi ftit tal-ħin. Għalhekk iż-żjarat kollha fi gruppi jingħataw ħin li fih jeħtieġ ikunu waslu fil-bini rilevanti tal-Kunsill, u dan irid jiġi rrispettat.

Il-binjiet tal-Kunsill jintlaħqu faċilment bit-trasport pubbliku. Fil-qrib hemm stazzjonijiet tal-ferrovija u tal-metro, kif ukoll waqfiet għall-karozzi tal-linja.

Ir-roundabout Schuman ilha minn Frar 2025 għaddejja minn żvilupp mill-ġdid gradwali, li jista' jaffettwa l-aċċess għall-binjiet tal-Kunsill.

Nirrakkomandaw ħafna t-trasport pubbliku, billi l-parkeġġ huwa estremament limitat u l-mobbiltà tal-karozzi fid-distrett Ewropew hija ristretta minħabba x-xogħol ta' kostruzzjoni li għaddej bħalissa.

Sigurtà u aċċessibbiltà

Kull membru tal-grupp jew viżitatur jeħtieġ iġib miegħu passaport validu jew karta tal-identità nazzjonalivalida biex jidħol fil-binjiet tagħna. Naċċettaw l-oriġinali biss, u kopji ma jiġux aċċettati. Ma naċċettaw l-ebda tip ieħor ta' identifikazzjoni personali.

Gruppi tal-iskola jeħtieġ li jkunu akkumpanjati minn mill-inqas adult wieħed għal kull 10 studenti.

Il-binjiet tal-Kunsill huma aċċessibbli għall-persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Kanċellazzjoni

Nirriżervaw id-dritt li nikkanċellaw żjara skedata għal kwalunkwe grupp li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tagħna tas-sigurtà u tal-aċċess.

Jista' jkun li jkollna nikkanċellaw żjarat li jkunu diġà ġew ikkonfermati, anke b'avviż fl-aħħar minuta, f'ċirkostanzi eċċezzjonali li jirriżultaw minn żviluppi politiċi jew laqgħat tal-Kunsill mhux ippjanati.

Lil hinn miż-żjara tiegħek fil-Kunsill

Żur l-Expo tal-Kunsill tal-UE

Il-Kunsill jorganizza wirjiet mobbli dwar ir-rwol tal-Kunsill u tal-presidenza, li jżuru diversi pajjiżi tal-UE.

Il-wirjiet kellhom diversi waqfiet: Strażburgu, Praga, il-Lussemburgu, Granada, Brussell, Budapest, Krakovja u Nikosija.

Minn Lulju sa Diċembru 2026, il-wirja mobbli ser tilqa' viżitaturi f'Dublin, l-Irlanda.

L-Expo tal-Kunsill f'Dublin.
L-Expo tal-Kunsill f'Dublin.

Żur ir-rappreżentanzi tal-istati membri fi Brussell

Billi l-Kunsill huwa "dar l-istati membri tal-UE", aħna naħdmu mill-qrib mar-rappreżentanzi permanenti tal-istati membri tal-UE. Nissuġġerulek tgħaqqad iż-żjara tiegħek fil-Kunsill ma' żjara f'rappreżentanza permanenti ta' stat membru.

Żur l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew huwa bbażat fi Brussell, fi Strażburgu u fil-Lussemburgu. Kull post joffri diversi attivitajiet għall-viżitaturi, li huma maħsuba għal gruppi ta' etajiet u interessi differenti. Il-viżitaturi jistgħu jaraw kif jaħdem il-Parlament Ewropew, kif żviluppa u r-rwol li jaqdi. Għal aktar informazzjoni żur is-sit elettroniku tal-Parlament Ewropew.

Il-Kummissjoni Ewropea

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kummissjoni Ewropea jilqa' gruppi ta' viżitaturi (mill-inqas 15-il persuna). Jagħti preżentazzjonijiet u jospita diskussjonijiet dwar ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea bħala l-eżekuttiv politiku tal-UE. Iż-żjarat għandhom jiġu bbukkjati mill-inqas 10 ġimgħat qabel u jistgħu jiġu adattati għall-interessi u l-etajiet.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni jagħti preżentazzjonijiet interessanti lil gruppi ta' viżitaturi (mill-inqas 15-il persuna li jkollhom aktar minn 14-il sena) dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa fit-tfassil tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Iż-żjarat għandhom jiġu bbukkjati mill-inqas tmien ġimgħat qabel.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Żur id-dar tas-soċjetà ċivili organizzata għal taħdita interattiva. Skopri t-tliet gruppi tiegħu — li jirrappreżentaw lill-impjegaturi (grupp I), lill-ħaddiema (grupp II) u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (grupp III) — u kif jasserixxu d-drittijiet tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

Proċedura għall-ilmenti

Aħna nistinkaw biex noffru l-ogħla standards ta' servizz. Għandek dritt tressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew jekk tħoss li s-servizz tal-Kunsill li kont f'kuntatt miegħu ma tax servizz ta' standard għoli.

Madankollu, qabel ma l-Ombudsman jaċċetta lment, jeħtieġ li l-ewwel tgħarraf lis-servizz li jkun indirizza t-talba inizjali tiegħek li ma kontx sodisfatt. Sa fejn ikun possibbli u xieraq, nagħmlu l-almu tagħna biex insibu rimedju għan-nuqqas ta' sodisfazzjon tiegħek.

L-aħħar reviżjoni: 27 ta' Lulju 2026