Skip to content

X'qed tagħmel l-UE biex tagħti spinta lill-kompetittività tagħha

F'era ta' instabbiltà dejjem akbar, l-UE qed taġixxi b'determinazzjoni biex issaħħaħ il-kompetittività tagħha, filwaqt li tiżgura l-prosperità u s-sigurtà għaċ-ċittadini tagħha.

Għaliex għandna bżonn insaħħu l-kompetittività?

F'dawn l-aħħar 20 sena, il-produttività tal-Ewropa waqgħet lura meta mqabbla ma' ekonomiji ewlenin oħra. Ħafna kumpaniji tal-UE f'setturi ewlenin bħall-qasam diġitali, it-telekomunikazzjoni, is-swieq kapitali u l-enerġija ma għandhomx l-iskala meħtieġa biex jiksbu l-livelli ta' investiment u innovazzjoni meħtieġa f'suq dinji.

Minkejja li huwa wieħed mill-akbar kisbiet tal-Unjoni Ewropea, is-suq uniku għadu frammentat u qed jiffaċċa ostakli sinifikanti kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew. It-tneħħija tal-ostakli għall-fluss liberu ta' oġġetti, servizzi, kapital u persuni hija essenzjali biex jiġi sfruttat aktar tkabbir madwar l-UE u tingħata spinta lill-kummerċ u l-investiment.

Fid-dawl ta' xenarju dinji li qed jinbidel u sitwazzjoni ġeopolitika volatili, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tissaħħaħ il-kompetittività fit-tul tal-UE u biex jiġu żgurati l-awtonomija strateġika u l-prosperità tagħha.

Ekonomija aktar kompetittiva ser tippermetti lill-UE ssir aktar sovrana u mgħammra aħjar biex tindirizza l-isfidi immedjati u futuri.

Azzjoni tal-UE biex tissaħħaħ il-kompetittività

B'segwitu għad-Dikjarazzjoni ta' Budapest dwar il-patt ġdid dwar il-kompetittività Ewropea mill-mexxejja tal-UE f'Novembru 2024, il-Kummissjoni żviluppat boxxla għall-kompetittività biex tiggwida l-ħidma tagħha għall-perjodu 2024-2029 abbażi ta' tliet pilastri:

  • it-tnaqqis fid-diskrepanza fl-innovazzjoni
  • ir-rabta bejn id-dekarbonizzazzjoni u l-kompetittività
  • it-tnaqqis tad-dipendenzi eċċessivi u ż-żieda fis-sigurtà

Tħejjew sensiela ta' strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni, filwaqt li oħrajn għadhom qed jiġu żviluppati mill-Kummissjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma, u proposti leġiżlattivi relatati biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-kompetittività tal-UE bħalissa qed jiġu diskussi mill-Kunsill u mill-Parlament.

Dijagramma ċirkolari li tixbah boxxla, b'diversi saffi konċentriċi. L-isfond jikkonsisti fi grilja u linji ħfief ta' graff finanzjarju.
Boxxla għall-Kompetittività

Boxxla għall-Kompetittività

Objettivi ewlenin

Appoġġ għan-negozji

Simplifikazzjoni tar-regoli, tnaqqis tal-piż amministrattiv, għajnuna fl-espansjoni tal-istart-ups, iffaċilitar tal-aċċess għall-kapital ta' riskju.

Dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija

Għajnuna lill-industriji biex jaqilbu għal teknoloġija nadifa, promozzjoni ta' mudelli ta' negozju ċirkolari ġodda, stabbiliment ta' mira ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ta' 90% għall-2040.

Tnaqqis tad-dipendenzi

Eliminazzjoni gradwali tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili Russi, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista tal-materja prima kritika u tal-mediċini, id-diversifikazzjoni tar-rabtiet kummerċjali.

Inkoraġġiment tal-innovazzjoni

Żieda tal-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, bini ta' infrastrutturi tar-riċerka ta' klassi dinjija, attrazzjoni, tkabbir u ffaċilitar tal-mobbiltà tat-talent.

Spinta lid-diġitalizzazzjoni

Żvilupp ta' infrastrutturi tal-computing, tad-data, tal-cloud u tan-network, l-iżgurar tal-aċċess għas-supercomputers, l-inkoraġġiment tal-użu tal-IA għall-industriji u għas-settur pubbliku.

Prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi

Immodernizzar tan-network u l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, żieda fl-elettrifikazzjoni, aċċellerazzjoni tal-investimenti fl-enerġija nadifa.

Rwol ta' tmexxija f'setturi strateġiċi

Appoġġ għall-iżvilupp tal-industriji tal-UE f'oqsma bħall-intelliġenza artifiċjali, l-ispazju, il-bijoteknoloġija, il-ġenomika, ir-robotika, u s-semikondutturi.

Żieda fir-reżiljenza u s-sigurtà

Tisħiħ tal-ktajjen tal-provvista, trawwim ta' kooperazzjoni aħjar fid-difiża, titjib fit-tħejjija tal-UE għal theddid potenzjali.

Mobilizzazzjoni tal-investimenti

Tfassil ta' baġit fit-tul adattat għall-ħtiġijiet tal-UE, tmexxija lejn -iffrankar fl-ekonomija, ħolqien ta' kapaċitajiet ta' finanzjament addizzjonali għall-banek.

It-triq 'il quddiem: Ewropa Waħda, Suq Wieħed

Fil-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2026, il-mexxejja tal-UE nedew aġenda "Ewropa Waħda, Suq Wieħed", bi gwida strateġika, miżuri konkreti u skadenzi ambizzjużi għal linji ewlenin ta' azzjoni:

  • it-tisħiħ u l-integrazzjoni tas-suq uniku
  • is-simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi
  • l-iżgurar ta' enerġija affordabbli u l-kisba tat-tranżizzjoni tal-enerġija
  • it-trawwim tat-tiġdid industrijali, l-innovazzjoni u t-tnaqqis tad-dipendenzi tal-Ewropa
  • Mobilizzazzjoni tal-investiment
Grafika stilizzata li turi bozza b'ger fuq ġewwa fuq ix-xellug u binja uffiċċji għoli fuq il-lemin, konnessi b'linja blu tiela' 'l fuq.
Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE: it-triq 'il quddiem

Nagħtu spinta lill-kompetittività tal-UE: it-triq 'il quddiem

Ara wkoll

Linja tal-assemblaġġ awtomatizzata blu fuq sfond isfar ċar.
Il-politika industrijali tal-UE

Il-politika industrijali tal-UE

L-immaġni turi tnejn min-nies josservaw grafika dwar il-finanzi b'linji telgħin u neżlin u b'bar charts, maġenb borġ kaxex tal-kartun, li jissimbolizzaw il-kummerċ u l-attività ekonomika.
Is-suq uniku tal-UE: benefiċċji, fatti u ċifri

Is-suq uniku tal-UE: benefiċċji, fatti u ċifri

Illustrazzjoni ta' id iżżomm pannell solari, turbina eolika, werqa tal-felċi u grafika ċirkolari ħadra bl-istilel tal-UE, li tissimbolizza l-impenn tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u sostenibbli.
Enerġija

Enerġija

L-aħħar reviżjoni: 19 ta' Marzu 2026