Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill
Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) hu l-korp tal-persunal bir-responsabbiltà li jassisti lil żewġ istituzzjonijiet tal-UE:
- il-Kunsill Ewropew
- il-Kunsill tal-UE, inkluż il-presidenzi tiegħu, il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) u l-kumitati u l-gruppi ta' ħidma l-oħrajn tal-Kunsill
Is-SĠK jgħin fl-organizzazzjoni u biex tiġi żgurata l-koerenza tal-ħidma tal-Kunsill u l-implimentazzjoni tal-programm tiegħu ta' 18-il xahar. Huwa jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-President tiegħu kif ukoll jappoġġa lill-presidenza tal-Kunsill fin-negozjati fil-Kunsill u ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE.
Kompiti ewlenin
Il-kompiti ewlenin tas-SĠK huma:
- li jassisti, jagħti pariri u jgħin fil-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, inkluż l-implimentazzjoni tal-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill
- li jappoġġa lill-presidenza tal-Kunsill f'negozjati fil-Kunsill u ma' istituzzjonijiet oħrajn tal-UE
- li jipprovdi appoġġ loġistiku u jieħu ħsieb l-organizzazzjoni prattika ta' laqgħat (inkluż il-kmamar tal-laqgħat, il-produzzjoni u t-traduzzjoni tad-dokumenti)
- li jħejji abbozzi ta' aġendi, rapporti, noti u minuti tal-laqgħat fil-livelli kollha
Fejn meħtieġ, is-SĠK jieħu ħsieb ukoll l-organizzazzjoni prattika ta' laqgħat ta' livell għoli ma' kapijiet ta' stat u ta' gvern jew ambaxxaturi minn pajjiżi li mhumiex parti mill-UE.
Barra minn hekk, is-servizz legali tal-Kunsill jagħti opinjonijiet lill-Kunsill u lill-kumitati tiegħu, sabiex jiġi żgurat li l-atti tal-Kunsill ikunu legali u abbozzati b'mod adatt. Is-SĠK jirrappreżenta wkoll lill-Kunsill fi proċedimenti ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.
Is-SĠK għandu wkoll għadd ta' responsabbiltajiet speċifiċi ħafna.
Appoġġ għal ċerti kumitati u gruppi ta' ħidma tal-Kunsill
Minbarra l-ġestjoni tal-organizzazzjoni prattika tal-laqgħat u t-tħejjija ta' dokumenti tal-laqgħa relatati magħhom, is-SĠK jippresiedi wkoll il-kumitati u l-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill li ġejjin:
- Il-Kumitat tas-Sigurtà u l-oqsma sussidjarji tiegħu (Assigurazzjoni tal-Informazzjoni, Esperti tal-GNSS, Bord ta' Akkreditazzjoni tas-Sigurtà)
- Il-Grupp ta' Ħidma dwar l-Informazzjoni
- Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Leġiżlazzjoni Elettronika
- Il-Kumitat ta' Koordinament għas-Sistemi ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni
- Il-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kodifikazzjoni tal-Leġiżlazzjoni
- Il-Grupp ta' Ħidma tal-Ġuristi-Lingwisti
Il-Kunsill jipprovdi wkoll is-segretarjat għall-Kumitat tal-Innovazzjoni u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka (KŻER),iż-żewġ gruppi ta' ħidma tiegħu u l-bord ta' tmexxija tiegħu.
Il-KŻER huwa wieħed mill-korpi preparatorji tal-Kunsill responsabbli għall-għoti ta' appoġġ għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-progress tal-inizjattiva tal-UE Unjoni ta' Innovazzjoni u l-iżvilupp taż-Żona Ewropea tar-Riċerka.
Dan hu appoġġat minn żewġ gruppi ta' ħidma ad hoc, imsejħin il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ipprogrammar Konġunt (GPC) u l-Forum Strateġiku għall-Kooperazzjoni Xjentifika.u Teknoloġika Internazzjonali (SFIC).
Is-SĠK hu responsabbli għall-organizzazzjoni loġistika u amministrattiva tal-laqgħat tal-KŻER u għall-abbozzar ta' konklużjonijiet fil-qosor tal-laqgħat.
Reġistru Pubbliku Online ta' Dokumenti Awtentiċi tal-identità u tal-ivvjaġġar (PRADO)
Is-SĠK hu responsabbli għall-iżvilupp u ż-żamma ta' PRADO, sit elettroniku multilingwistiku ddedikat li jagħti informazzjoni dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar mill-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera.
Prado għandu l-għan li jipprovdi informazzjoni preċiża lil setturi speċifiċi bħal:
- min iħaddem
- servizzi postali
- banek, awtoritajiet tal-kreditu
- kumpaniji li jipprovdu servizzi ta' sigurtà u viġilanza
- aġenziji għall-kiri ta' vetturi
Arkivji
Is-SĠK hu responsabbli għall-ġestjoni tal-arkivji tal-Kunsill. Il-parti l-kbira tal-fajls huma relatati jew mal-laqgħat tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill, il-laqgħat tal-Coreper, il-laqgħat ta' kumitati u gruppi ta' ħidma oħrajn, jew mat-tħejjija tal-leġiżlazzjoni tal-UE.
Il-Kunsill għandu dipartiment ċentrali tal-arkivji li jiġbor, jipproċessa u jipprovdi aċċess għad-dokumenti prodotti mill-Kunsill jew li l-Kunsill jirċievi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.
Korpi preparatorji tal-Kunsill
Il-Kunsill hu megħjun minn iktar minn 150 grupp ta' ħidma u kumitat, magħrufin bħala l-"korpi preparatorji"Dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Lulju 2026