Skip to content

Il-presidenza tal-Kunsill tal-UE

L-istati membri tal-UE jieħdu f'idejhom il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal sitt xhur. Ir-rwol tal-presidenza huwa li tippresiedi l-biċċa l-kbira tal-laqgħat tal-Kunsill, tistabbilixxi l-programm ta' ħidma u l-aġendi tiegħu, u taġixxi bħala r-rappreżentant tal-Kunsill.

X'tagħmel il-presidenza

Il-presidenza tal-Kunsill hija responsabbli biex tmexxi 'l quddiem il-ħidma tal-Kunsill fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE, iżżomm il-kontinwità tal-aġenda tal-UE, u tiżgura l-ordni fil-proċessi leġiżlattivi u l-kooperazzjoni fost l-istati membri.

Ir-rwol tagħha huwa vitali għall-istabbiltà tal-UE u għat-twettiq tal-funzjonijiet leġiżlattivi tagħha.

Ħames kompiti ewlenin

Il-kompiti ewlenin tal-presidenza jinkludu: tippjana, tikkoordina u tippresiedi l-laqgħat, tirrappreżenta lill-Kunsill, tinnegozja ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE, tikkomunika dwar l-attivitajiet tiegħu u sservi bħala intermedjarju imparzjali biex tilħaq ftehimiet fil-Kunsill.

Tippjana, tikkoordina u tippresiedi l-laqgħat

Il-presidenza tippjana, tikkoordina u tippresiedi l-laqgħat li jsiru mill-Kunsill (ħlief għall-Kunsill Affarijiet Barranin) u mill-biċċa l-kbira tal-korpi preparatorji tal-Kunsill.

Tkun intermedjarju imparzjali

Isservi bħala intermedjarju imparzjali fid-diskussjonijiet, filwaqt li tissuġġerixxi soluzzjonijiet ta' kompromess bil-ħsieb li jintlaħaq qbil fil-Kunsill.

Tirrappreżenta lill-Kunsill

Il-presidenza tirrappreżenta lill-Kunsill fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE.

Tinnegozja ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE

Tinnegozja f'isem il-Kunsill biex jintlaħaq ftehim dwar fajls leġiżlattivi ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE.

Tikkomunika dwar l-attivitajiet tagħha

Il-presidenza tgħin biex il-pubbliku jiġi infurmat dwar l-attivitajiet tal-Kunsill, pereżempju billi tħejji laqgħat għall-istampa.

Skont id-definizzjoni tagħha stess, il-presidenza hija newtrali. Ir-rwol tagħha huwa li taġixxi bħala intermedjarju imparzjali. Il-pajjiż li jkollu l-presidenza ma jistax jiffavorixxi la l-preferenzi tiegħu stess u lanqas dawk ta' stat membru partikolari.

Peress li hemm 27 stat membru u dawn ikollhom il-presidenza għal sitt xhur kull wieħed, kull membru, ikun kemm ikun kbir jew żgħir, ikollu l-presidenza tal-Kunsill kull 13-il sena u nofs.

Il-presidenza taħdem b'koordinazzjoni mill-qrib ma':

  • il-President tal-Kunsill Ewropew
  • ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Hija tappoġġa l-ħidma tagħhom u xi drabi tista' tintalab twettaq ċerti kompiti għar-rappreżentant għoli, pereżempju billi tirrappreżenta lill-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) quddiem il-Parlament Ewropew jew billi tippresiedi l-KAB meta dan jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika kummerċjali komuni.

Min għandu l-presidenza tal-Kunsill bħalissa?

L-Irlanda bħalissa għandha l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill, it-tmien darba li qed tagħmel dan, din id-darba bħala parti minn triju ta' presidenzi mal-Litwanja u l-Greċja. Il-mandat tagħha jintemm fil-31 ta' Diċembru 2026.



Taħt il-motto "Is-saħħa fl-għaqda" l-Irlanda ser tiffoka fuq it-temi ewlenin tal-kompetittività, il-valuri u s-sigurtà.

Qanpiena li tagħti bidu lil-laqgħat 'il fuq mill-kaxxa tagħha, ħdejn il-logo tal-presidenza Irlandiża.

Presidenza b'rotazzjoni

Kull pajjiż tal-UE jkollu l-presidenza tal-Kunsill għal sitt xhur kull darba. L-ordni li fiha kull stat membru jkollu l-presidenza tiġi stabbilita b'deċiżjoni tal-Kunsill.

Matul il-perjodu ta' sitt xhur, il-presidenza tippresiedi laqgħat fil-livelli kollha fil-Kunsill, u tgħin biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma leġiżlattiva.

Min ser ikollu l-presidenza li jmiss?

Ċart li turi l-bnadar tal-istati membri mqiegħda skont is-sena u fit-triju li fih kellhom l-aħħar presidenza jew dik li jmiss matul il-perjodu bejn l-2018 u l-2030.
Verżjoni testwali

Il-bnadar tal-istati membri madwar rappreżentazzjoni grafika ta' mejda tal-laqgħat li fiha s-snin kollha mill-2018 sal-2030. Il-bnadar huma mqiegħda skont is-sena u fit-triju li fih kellhom l-aħħar presidenza jew ser ikollhom dik li jmiss matul dan il-perjodu:

Estonja: Lulju-Diċembru 2017 (fi triju mal-Bulgarija u l-Awstrija)

Bulgarija: Jannar-Ġunju 2018 (fi triju mal-Estonja u l-Awstrija)

Awstrija: Lulju-Diċembru 2018 (fi triju mal-Estonja u l-Bulgarija)

Rumanija: Jannar-Ġunju 2019 (fi triju mal-Finlandja u l-Kroazja)

Finlandja: Lulju-Diċembru 2019 (fi triju mar-Rumanija u l-Kroazja)

Kroazja: Jannar-Ġunju 2020 (fi triju mar-Rumanija u l-Finlandja)

Ġermanja: Lulju-Diċembru 2020 (fi triju mal-Portugall u s-Slovenja)

Portugall: Jannar-Ġunju 2021 (fi triju mal-Ġermanja u s-Slovenja)

Slovenja: Lulju-Diċembru 2021 (fi triju mal-Portugall u l-Ġermanja)

Franza: Jannar-Ġunju 2022 (fi triju maċ-Ċekja u l-Iżvezja)

Ċekja: Lulju-Diċembru 2022 (fi triju ma' Franza u l-Iżvezja)

Żvezja: Jannar-Ġunju 2023 (fi triju ma' Franza u ċ-Ċekja)

Spanja: Lulju-Diċembru 2023 (fi triju mal-Belġju u l-Ungerija)

Belġju: Jannar-Ġunju 2024 (fi triju ma' Spanja u l-Ungerija)

Ungerija: Lulju-Diċembru 2024 (fi triju ma' Spanja u l-Belġju)

Polonja: Jannar-Ġunju 2025 (fi triju mad-Danimarka u Ċipru)

Danimarka: Lulju-Diċembru 2025 (fi triju mal-Polonja u Ċipru)

Ċipru: Jannar-Ġunju 2026 (fi triju mal-Polonja u d-Danimarka)

Irlanda: Lulju-Diċembru 2026 (fi triju mal-Litwanja u l-Greċja)

Litwanja: Jannar-Ġunju 2027 (fi triju mal-Irlanda u l-Greċja)

Greċja: Lulju-Diċembru 2027 (fi triju mal-Irlanda u l-Litwanja)

Italja: Jannar-Ġunju 2028 (fi triju mal-Latvja u l-Lussemburgu)

Latvja: Lulju-Diċembru 2028 (fi triju mal-Italja u l-Lussemburgu)

Lussemburgu: Jannar-Ġunju 2029 (fi triju mal-Italja u l-Latvja)

Netherlands: Lulju-Diċembru 2029 (fi triju mas-Slovakkja u Malta)

Slovakkja: Jannar-Ġunju 2030 (fi triju man-Netherlands u Malta)

Malta: Lulju-Diċembru 2030 (fi triju man-Netherlands u s-Slovakkja)

Triju ta' presidenzi

Gruppi ta' tliet stati membri li jkollhom presidenzi suċċessivi jaħdmu flimkien mill-qrib bħala "triju".

Din is-sistema ta' triju ġiet introdotta bit-Trattat ta' Liżbona fl-2009. It-triju jistabbilixxi għanijiet fit-tul u jħejji aġenda komuni li tiddetermina t-temi u l-kwistjonijiet prinċipali li jkunu ser jiġu indirizzati mill-Kunsill tul perjodu ta' 18-il xahar.

Abbażi ta' dan il-programm tat-triju, kull wieħed mit-tliet pajjiżi jħejji l-programm tiegħu ta' sitt xhur f'aktar dettall.

It-triju attwali huwa magħmul minn:

  • l-Irlanda
  • il-Litwanja
  • il-Greċja

Ara wkoll

Tliet idejn iżommu mikrofoni blu huma diretti lejn vidjokamera, li tissuġġerixxi ambjent ta' intervista għall-istampa jew għall-media.
Xi jfisser li jkollok il-presidenza tal-Kunsill tal-UE?

Xi jfisser li jkollok il-presidenza tal-Kunsill tal-UE?

Il-ministri mlaqqgħin fil-Kunsill.
Spjegazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill

Spjegazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill

Il-bini tal-Kunsill maġenb sett karti u pożakarti.
X'jagħmel il-Kunsill

X'jagħmel il-Kunsill

L-aħħar reviżjoni: 1 ta' Lulju 2026