"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Ir-rwol tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jaġixxi bħala koleġiżlatur fil-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' politika tal-UE. F'xi oqsma speċifiċi, il-Kunsill huwa l-organu prinċipali li jieħu d-deċiżjonijiet.

Attur ewlieni fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

Il-Kunsill tal-UE huwa wieħed mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UEinvoluti fit-tfassil tal-liġijiet tal-UE.

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jirrappreżenta l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE

Rwol: koleġiżlatur

Il-Parlament Ewropew jirrappreżenta liċ-ċittadini tal-UE

Rwol: koleġiżlatur

Il-Kummissjoni Ewropea tirrappreżenta l-interessi ġenerali tal-UE

Rwol: oriġinatur tal-leġiżlazzjoni u organu eżekuttiv

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiddeċiedu flimkien, bħala koleġiżlaturi, dwar proposti mill-Kummissjoni Ewropea. Minbarra dan ir-rwol leġiżlattiv kondiviż, f'xi każijiet u għal xi suġġetti, il-Kunsill huwa l-organu ewlieni li jieħu d-deċiżjonijiet.

Dan jagħmel lill-Kunsill attur ewlieni fit-tfassil tal-politiki u l-leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE.

Żewġ proċeduri leġiżlattivi ewlenin

Hemm żewġ proċeduri ewlenin użati biex jiġu adottati l-liġijiet tal-UE. Dak li jvarja huwa r-rwol tal-Kunsill u l-każijiet fejn tapplika kull proċedura.

Proċedura leġiżlattiva ordinarja

Il-Kunsill jaqbel dwar il-liġijiet mal-Parlament Ewropew. Din il-proċedura tapplika għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' politika, u tkopri 95% tal-liġijiet tal-UE.

Proċedura leġiżlattiva speċjali

Il-Kunsill jiddeċiedi, soġġett għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew jew bl-approvazzjoni tiegħu. Din il-proċedura tapplika f'każijiet speċjali, bħal-liġi tal-kompetizzjoni.

Proċedura leġiżlattiva ordinarja: meta l-Kunsill jiddeċiedi flimkien mal-Parlament Ewropew

Fil-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jinnegozjaw u jadottaw il-leġiżlazzjoni tal-UE b'mod konġunt. Ikunu koleġiżlaturi.

Madwar 95% tal-liġijiet tal-UE (f'aktar minn 80 qasam ta' politika) huma adottati permezz ta' din il-proċedura.

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Parlament Ewropew. Il-Kunsill u l-Parlament jadottaw il-leġiżlazzjoni flimkien.

Proċedura leġiżlattiva speċjali: meta l-Kunsill ikun l-organu prinċipali li jieħu d-deċiżjonijiet

F'xi każijiet speċifiċi, il-Kunsill ikun l-organu prinċipali li jieħu d-deċiżjonijiet, u normalment jiddeċiedi abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni. Il-Parlament ma jaġixxix bħala koleġiżlatur, iżda jrid jiġi kkonsultat jew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Eżempji jinkludu eżenzjonijiet mis-suq uniku, il-liġi tal-kompetizzjoni u miżuri biex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea tippreżenta proposta leġiżlattiva. Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadotta l-leġiżlazzjoni waħdu. Il-Parlament Ewropew irid jiġi kkonsultat jew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

Każ speċjali: l-adozzjoni tal-baġits tal-UE

Il-baġit fit-tul u l-baġit annwali tal-UE t-tnejn jiġu adottati f'konformità ma' proċeduri speċifiċi.

Adozzjoni tal-baġit fit-tul tal-UE

Il-baġit fit-tul tal-UE, magħruf bħala l-"qafas finanzjarju pluriennali" (QFP), jiġi adottat skont proċeduri leġiżlattivi speċjali:

  • ir-regolament QFP, li jistabbilixxi l-ammonti massimi li l-UE tista' tonfoq fid-diversi oqsma ta' politika, jiġi adottat mill-Kunsill wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew
  • id-deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji, li tiddefinixxi kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE, tiġi adottata mill-Kunsill wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew

Il-Kunsill Ewropew ikun involut ukoll. F'konformità mar-rwol tiegħu skont it-trattati tal-UE, huwa jipprovdi gwida politika dwar il-prijoritajiet ewlenin tal-baġit fit-tul qabel ma l-Kunsill tal-UE jiffinalizzah.

Adozzjoni tal-baġit annwali tal-UE

Il-baġit annwali tal-UE jiġi adottat f'konformità ma' proċedura speċifika. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi abbozz ta' baġit. Imbagħad il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jeżaminaw dik il-proposta u jiddeċiedu dwar il-baġit fuq bażi ugwali. Huma għandhom jaqblu dwar l-istess test.

Jekk ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, il-Kummissjoni trid tippreżenta abbozz ta' baġit ġdid.

Proċeduri oħra

Ir-rwol tal-Kunsill f'atti ta' implimentazzjoni u atti delegati

Ladarba liġi tal-UE tkun ġiet adottata, jista' jkun meħtieġ li din tiġi ssupplimentata biex tirrifletti l-iżviluppi, jew jistgħu jkunu meħtieġa regoli oħra biex jiġi żgurat li tiġi implimentata kif suppost. Biex dan isir, il-Kunsill u l-Parlament jistgħu jawtorizzaw lill-Kummissjoni tadotta atti delegati jew atti ta' implimentazzjoni.

F'każijiet speċifiċi, il-Kunsill, aktar milli l-Kummissjoni, ikun responsabbli għall-adozzjoni tal-atti ta' implimentazzjoni.

Konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill ma jadottax biss liġijiet. Jadotta wkoll dokumenti bħal konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet,li mhumiex legalment vinkolanti. Dawn jintużaw biex jesprimu pożizzjoni politika jew jipprovdu gwida dwar kwistjonijiet fl-oqsma ta' politika tal-UE.

Ftehimiet internazzjonali

Il-Kunsill għandu rwol ċentrali fin-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali. Huwa involut fl-istadji kollha tal-proċedura, mill-għoti tal-mandat għan-negozjati lin-negozjatur (normalment il-Kummissjoni), sal-awtorizzazzjoni tal-iffirmar tal-ftehim u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali dwar il-kunsens tal-UE li tintrabat bih.

Ara wkoll

Il-bini tal-Kunsill maġenb sett karti u pożakarti.

X'jagħmel il-Kunsill

Illustrazzjoni tal-bini tal-Kunsill.

Kif inhi organizzata l-ħidma tal-Kunsill Ewropew

Karti qed jitqiegħdu f'kaxxa tal-voti bl-emblema tal-UE fuqha.

Kif jivvota l-Kunsill?

L-aħħar reviżjoni: 6 ta' Ottubru 2026