Skip to content

Protezzjoni tad-data personali fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill

Fis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (SĠK) aħna impenjati bis-sħiħ li nipproteġu d-data personali tal-individwi kollha li jiġu f'kuntatt magħna.

Għall-UE b'mod ġenerali, ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data huma stabbiliti f'dak li huwa komunement magħruf bħala r-Regolament ġenerali dwar il-protezzjoni tad-data (GDPR). Madankollu, sa fejn jikkonċerna l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Kunsill, japplika regolament relatat miegħu għall-protezzjoni tad-data personali tal-individwi fil-kuntatti tagħhom ma' dawk l-istituzzjonijiet. Ir-regolament (UE) 2018/1725 u l-GDPR joffru lill-individwi l-istess livell ta' protezzjoni u drittijiet. Għal dik ir-raġuni, dawn iż-żewġ regolamenti huma interpretati u applikati, sa fejn hu possibbli, bl-istess mod.

Regolament (UE) Nru 2018/1725

Regolament tal-UE 2018/1725 dwar il-protezzjoni ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni

L-iskop tar-regolament huwa li jipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE.

Huwa jiddetermina l-prinċipji u l-obbligi li għandhom josservaw u jissodisfaw l-istituzzjonijiet tal-UE meta jipproċessaw data personali. Skont dawk il-prinċipji, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li d-data personali:

  • tiġi pproċessata biss għal skopijiet definiti b'mod ċar u leġittimi
  • tkun preċiża, adegwata, rilevanti u mhux eċċessiva
  • tiġi pproċessata b'mod ġust u legali u b'mod sigur
  • tiġi pproċessata b'mod trasparenti billi jiġu infurmati l-individwi kkonċernati u jiġu rispettati d-drittijiet tagħhom
  • ma tinżammx aktar milli hemm bżonn
  • tiġi pproċessata u dokumentata b'mod li jkun jista' juri l-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data
  • ma tiġix trasferita lil partijiet terzi mingħajr il-prekawzjonijiet adegwati

Huwa jiddefinixxi l-obbligi tal-entitajiet li jipproċessaw id-data personali (kontrolluri u/jew proċessuri tad-data) u d-drittijiet tal-individwi li qed tiġi pproċessata d-data personali tagħhom (suġġetti tad-data).

Ir-regolament jipprevedi wkoll awtorità superviżorja indipendenti, il-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD), u l-ħatra ta' uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (UPD) f'kull istituzzjoni, aġenzija u korp tal-UE.

Artikolu 8 - Protezzjoni tad-data personali

Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

Din id-data għandha tiġi trattata b'mod ġust għal finijiet determinati u abbażi tal-kunsens
tal-persuna kkonċernata jew fuq bażi oħra leġittima stabbilita mil-liġi. Kull persuna għandha d-dritt ta' aċċess għad-data miġbura li għandha x'taqsam magħha u d-dritt li tikseb ir-rettifika tagħha.

L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha titqiegħed taħt il-kontroll ta' awtorità indipendenti.

Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Ir-rwol tal-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data

Il-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data (KEPD) huwa l-awtorità superviżorja tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej.

Huwa responsabbli biex jiżgura li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-privatezza, ikunu rispettati mill-istituzzjonijiet tal-UE. Jagħmel dan billi:

  • jimmonitorja u jinforza l-applikazzjoni tar-regolament
  • jippromwovi l-kuxjenza pubblika
  • jipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom
  • jittratta lmenti mis-suġġetti tad-data
  • iwettaq investigazzjonijiet relatati ma' kwistjonijiet ta' protezzjoni tad-data
  • jagħti pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE u, sa minn ftit ilu
  • joħroġ multi għal nuqqas ta' konformità mar-regolament

L-individwi għandhom id-dritt iressqu lment mal-KEPD fi kwalunkwe ħin, għalkemm huwa rrakkomandat li l-ewwel jikkuntattjaw id-dipartiment fil-Kunsill responsabbli għat-trattament tad-data personali kkonċernata u/jew l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kunsill.

Il-KEPD jista' jiġi kkuntattjat permezz ta' email.

Ir-rwol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tas-Segretarjat tal-Kunsill

Ir-rwol tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data (UPD) huwa li jiżgura, b'mod indipendenti, l-applikazzjoni korretta tar-regoli tal-protezzjoni tad-data fi ħdan is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK).

B'hekk jikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi li d-data personali tagħhom tiġi pproċessata mis-SĠK. Għal dan il-għan, bl-appoġġ tal-unità tal-protezzjoni tad-data, l-UPD:

  • jiżviluppa kuxjenza ġenerali dwar l-obbligi tal-protezzjoni tad-data
  • jipprovdi pariri lill-persunal u s-servizzi dwar il-protezzjoni tad-data
  • jindika nuqqasijiet ta' konformità mar-regoli applikabbli

Barra minn hekk, l-UPD jista' jiggwida u jappoġġa l-kontrolluri fl-obbligi tagħhom li jimplimentaw il-prinċipji u r-regoli tal-protezzjoni tad-data billi joffri l-pariri tiegħu. Minbarra r-rwol ġenerali ta' konsulenza, l-UPD jista' volontarjament jew fuq talba jmexxi investigazzjonijiet dwar kwistjonijiet relatati mal-protezzjoni tad-data. L-UPD jirrispondi wkoll għal talbiet mingħand il-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data u jikkoopera miegħu.

Inti tista' tikkuntattja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għal parir jew biex titlob li tiġi investigata kwistjoni partikolari, l-aċċess għad-data personali jew kwalunkwe ġrajja direttament relatata mal-kompiti tiegħu.

L-UPD jista' jiġi kkuntattjat direttament b'email.

Artikolu 16 TFUE

Kull persuna għandha d-dritt għall-protezzjoni ta' data personali li tirrigwardaha.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu r-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni, kif ukoll mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u mal-moviment liberu ta' din id-data. L-osservanza ta' dawn ir-regoli għandha tkun soġġetta għall-kontroll ta' awtoritajiet indipendenti.

Ir-regoli adottati abbażi ta' dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-regoli speċifiċi previsti fl-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE ( TFUE)

Liema data personali tiġi pproċessata fis-Segretarjat tal-Kunsill?

Għalkemm il-biċċa l-kbira tad-data personali pproċessata mis-SĠK tikkonċerna l-persunal tiegħu, kwantità sostanzjali ta' data personali tiġi ttrattata wkoll fir-rigward tal-persuni kollha li jużaw il-bini tal-Kunsill fir-rigward tal-attivitajiet tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew (ministri, delegati, uffiċjali ta' istituzzjonijiet oħra, ġurnalisti u viżitaturi).

Id-data personali taċ-ċittadini tiġi fil-biċċa l-kbira pproċessata biss meta dawk iċ-ċittadini jidħlu f'kuntatt mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, pereżempju jekk jitolbu dokument, jabbonaw ruħhom għas-servizzi tal-email tagħna, iżuru l-binjiet tal-Kunsill.

X'inhuwa r-reġistru tal-protezzjoni tad-data?

Ir-reġistru huwa bażi tad-data li fiha rekords b'informazzjoni dwar kull tip ta' operazzjoni ta' pproċessar ta' data personali mwettqa mis-SĠK.

L-informazzjoni fir-rekord tinkludi l-isem tal-operazzjoni ta' pproċessar, il-bażi legali tagħha, l-iskop tagħha, is-suġġetti tad-data u l-kategoriji tad-data, il-perjodu taż-żamma, id-destinatarji tad-data personali jew deskrizzjoni ġenerali ta' miżuri tekniċi u organizzattivi.

Informazzjoni prattika dwar il-protezzjoni tad-data personali tiegħek

Kif tista' ssir taf jekk is-SĠK huwiex qed jipproċessa d-data personali tiegħek?

Ir-reġistru tas-SĠK tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data personali jgħinek issib x'tipi ta' operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data jistgħu japplikaw għalik.

Jew inkella, id-dettalji tal-kuntatt ta' kull kontrollur tad-data huma indikati fir-reġistru. Jekk tixtieq aktar informazzjoni dwar operazzjoni partikolari tal-ipproċessar tad-data, għandek tikkuntattja lill-kontrollur tad-data b'kopja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

F'każ ta' dubju, tista' wkoll tikkuntattja lill-UPD biex issib aktar informazzjoni dwar id-data personali tiegħek.

Reġistru tal-protezzjoni tad-data

Ir-reġistru jinżamm mill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. Huwa reġistru pubbliku li jista' jikkonsultah kulħadd.

X'inhuma d-drittijiet tiegħek bħala suġġett tad-data?

Bħala suġġett tad-data (jiġifieri individwu li d-data personali tiegħu tiġi pproċessata mis-SĠK) għandek id-dritt:

  • tkun infurmat jew infurmata dwar l-eżistenza ta' operazzjoni tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernak u l-karatteristiċi ewlenin tagħha
  • ikollok aċċess għad-data personali tiegħek li qed tiġi pproċessata fis-SĠK
  • tikseb mill-kontrollur, mingħajr dewmien, rettifika ta' kull data mhux preċiża jew mhux kompluta
  • tressaq ilment quddiem il-KEPD
  • tirtira l-kunsens fi kwalunkwe ħin, fejn l-attività tal-ipproċessar hija bbażata fuq il-kunsens tiegħek.

F'ċerti ċirkostanzi tista' titlob lill-kontrollur tad-data biex jeżerċita d-drittijiet speċifiċi tiegħek, pereżempju:

  • timblokka l-ipproċessar tad-data personali tiegħek
  • tħassar id-data personali tiegħek
  • toġġezzjona għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek

Tista' titlob aċċess għad-data personali tiegħek billi tibgħat email lill-kontrollur tad-data b'kopja lill-UPD. Id-dettalji tal-kuntatt tagħhom huma fir-rekords. Ma hemm ebda rekwiżit speċifiku biex tifformula t-talba tiegħek b'ċertu mod.

Madankollu, għal raġunijiet prattiċi, huwa rakkomandat li tagħti deskrizzjoni tal-operazzjoni ta' pproċessar li tista' tikkonċerna d-data personali tiegħek u li tipprovdi kopja ta' dokument ta' identifikazzjoni biex tikkonferma l-identità tiegħek (karta tal-identità jew passaport).

Dan id-dokument għandu jkollu numru tal-identifikazzjoni, il-pajjiż tal-ħruġ, il-perjodu ta' validità, ismek, l-indirizz u d-data tat-twelid tiegħek. Kwalunkwe data oħra li tkun tinsab fil-kopja tad-dokument ta' identifikazzjoni bħal ritratt jew kwalunkwe karatteristika personali, tista' tiġi mgħottija bl-iswed.

Sorveljanza bil-video fil-kwartieri tas-Segretarjat tal-Kunsill

Għas-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal, il-viżitaturi, il-bini, ir-riżorsi u l-informazzjoni tagħna, u għal raġunijiet loġistiċi, xi partijiet mill-kwartieri tas-SĠK huma mgħammra b'sistema ta' protezzjoni bil-video.

Il-politika tas-SĠK dwar l-użu ta' sistemi bil-video tiddeskrivi s-salvagwardji meħuda biex jitħarsu d-data personali, il-privatezza u d-drittijiet fundamentali u interessi leġittimi oħra tal-individwi li jidhru fuq il-kameras tal-protezzjoni bil-video fil-bini tas-SĠK.

Il-politika hija kompletament konformi mar-rekwiżiti tar-regolament dwar il-protezzjoni tad-data u mal-linji gwida tal-kontrollur Ewropew għall-protezzjoni tad-data għas-sorveljanza bil-video.

Għal aċċess għad-data personali tiegħek miġbura bħala riżultat tal-użu ta' vidjokamera fil-bini tagħna, jekk jogħġbok indirizza t-talbiet tiegħek bl-email lid-direttur tas-sikurezza u s-sigurtà u ibgħat kopja lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.

Importanti li tiftakar: Jeħtieġ tehmeż ritratt reċenti tiegħek ta' kwalità tajba kif ukoll kopja tal-karta tal-identità/passaport tiegħek mat-talba.

Formola għat-talba

Tista' tuża din il-formola biex tagħmel it-talba tiegħek.

L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Jannar 2026