Trasparenza u aċċess għad-dokumenti
Skont ir-regoli ta’ trasparenza kif stabbiliti fit-Trattat ta’ Lisbona, l-istituzzjonijiet tal-UE jaħdmu kemm jista’ jkun b’mod miftuħ u mill-qrib taċ-ċittadini. Il-ministri fil-Kunsill jilleġislaw pubblikament u ċ-ċittadini għandhom id-dritt li jitolbu aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill.
Ir-regoli ta' proċedura tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew jistabbilixxu regoli bażiċi għal-laqgħat, inkluż ir-regoli tal-votazzjoni, liema sessjonijiet għandhom ikunu pubbliċi u meta għandhom jiġu ppubblikati d-dokumenti.
Trasparenza leġislattiva
Il-ministri tal-UE jiltaqgħu pubblikament meta jiddiskutu jew jivvotaw dwar abbozzi ta' atti leġislattivi.
Il-Kunsill jiltaqa' wkoll pubblikament meta l-ministri jiddibattu dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-UE u ċ-ċittadini tagħha jew meta jiddiskutu l-programm ta' ħidma tal-Kunsill, il-prijoritajiet tal-presidenza tiegħu u l-programmi ta' ħidma u l-istrateġija politika tal-Kummissjoni.
Tista' ssegwi s-sessjonijiet pubbliċi tal-Kunsill fi trasmissjoni diretta bil-lingwi kollha tal-UE permezz tal-webcast tagħna. Tista' ssib u ssegwi wkoll sessjonijiet reġistrati.
Aġendi u l-kalendarju tal-laqgħat tal-Kunsill
Il-Kunsill jiltaqa' fi Brussell u fil-Lussemburgu (f'April, Ġunju u Ottubru). L-aġendi tal-laqgħat tal-Kunsill u tal-biċċa l-kbira tal-korpi preparatorji tiegħu huma pubbliċi.
Minuti u riżultati tal-votazzjoni
Meta laqgħa tal-Kunsill tkun pubblika, il-minuti tagħha, inkluż voti dwar abbozzi ta' liġijiet, spjegazzjonijiet dwar il-vot u dikjarazzjonijiet li jkunu għamlu l-istati membri, ikunu pubbliċi wkoll. Fil-minuti tista' ssib ukoll informazzjoni dwar dokumenti li jkunu qed jiġu diskussi u l-konklużjonijiet ewlenin li jkunu ntlaħqu mill-Kunsill.
Ir-riżultati tal-votazzjoni huma pubbliċi wkoll u tista' tara kif ikunu vvutaw il-pajjiżi individwali tal-UE.
Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata wkoll f'sommarju ta' kull xahar tal-atti tal-Kunsill.
Aċċess għad-dokumenti
Ir-regolament 1049/2001 jipprevedi r-regoli dwar l-aċċess għad-dokumenti. Regoli ta’ implimentazzjoni speċifiċi għall-Kunsill huma stabbiliti fl-anness II għar-regoli ta' proċedura tiegħu. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għad-dokumenti tal-Kunsill Ewropew.
Il-Kunsill jippubblika rapport annwali dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 1049/2001.
Reġistru pubbliku tad-dokumenti tal-Kunsill
Għandek aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill permezz tar-reġistru pubbliku. Dan fih il-kontenut u r-referenzi għad-dokumenti uffiċjali tal-Kunsill mill-1999 'il quddiem. Madwar 80 % ta' dawn id-dokumenti huma immedjatament aċċessibbli online. Tista' tapplika għall-aċċess għal kwalunkwe wieħed mill-20 % li fadal. Dawn id-dokumenti jsiru pubbliċi, soġġett għal eċċezzjonijiet stabbiliti fir-regoli tal-UE dwar it-trasparenza.
Kif issib dokumenti tal-Kunsill (Infografika)
Arkivji
L-arkivji tal-Kunsill jiġbru u jipproċessaw id-dokumenti li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jipproduċi jew jirċievi waqt l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu. L-arkivji ta' fajls magħluqin aktar minn 30 sena ilu huma aċċessibbli għall-pubbliku.
Id-dokumenti oriġinali jintbagħtu lill-arkivji storiċi tal-UE, maħżunin fl-Istitut Universitarju Ewropew ġewwa Firenze. Microfiches u/jew kopji elettroniċi tad-dokumenti jistgħu jiġu kkonsultati fl-arkivji tal-Kunsill fi Brussell.
Mistoqsijiet ġenerali
Mistoqsijiet ġenerali dwar l-organizzazzjoni, il-ħidma u l-attivitajiet tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill jistgħu jiġu indirizzati lis-servizz ta' informazzjoni għall-pubbliku. Qed tinġibed l-attenzjoni għall-fatt li dan is-servizz ma jistax jagħti pariri legali jew jikkummenta dwar kwistjonijiet speċifiċi.
Tista' tibgħat il-mistoqsija tiegħek bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE.
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Jannar 2026