Kif jaħdem il-Grupp tal-Euro
Il-Grupp tal-Euro huwa korp informali li nħoloq fl-1997 li fih il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet komuni ta' pajjiżhom relatati mal-euro.
Il-kompitu ewlieni tiegħu hu li jiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-politika ekonomika fost l-istati membri taż-żona tal-euro. Għandu wkoll l-għan li jippromwovi l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu u huwa responsabbli mit-tħejjija tal-laqgħat tas-Summit taż-Żona tal-Euro u mis-segwitu tagħhom.
Normalment il-Grupp tal-Euro jiltaqa' darba fix-xahar, lejlet il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin). Il-Kunsill Ecofin hu magħmul mill-ministri għall-ekonomija u l-finanzi mill-istati membri kollha u hu responsabbli mill-politika tal-UE fi tliet oqsma ewlenin: politika ekonomika, kwistjonijiet ta' tassazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji.
Il-kompitu prinċipali tal-Grupp tal-Euro hu li jiżgura l-koordinazzjoni mill-qrib tal-linji politiċi ekonomiċi fost l-istati membri taż-żona tal-euro u jippromwovi l-kundizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu. Il-koordinazzjoni tal-linji politiċi fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro hija kruċjali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà fiż-żona tal-euro kollha.
Għalhekk, id-diskussjonijiet fil-Grupp tal-Euro jkopru kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-euro kif ukoll kwistjonijiet usa' li għandhom impatt fuq il-linji politiċi fiskali, monetarji u strutturali tal-istati membri taż-żona tal-euro. Hu jimmira li jidentifika sfidi komuni u jsib approċċi komuni għalihom.
Huwa wkoll responsabbli għat-tħejjija tal-laqgħat tas-Summit taż-Żona tal-Euro u għas-segwitu tagħhom.
Ir-rwol tal-Grupp tal-Euro kien stabbilit fil-Protokoll Nru 14 għat-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.
Diskussjonijiet
Il-Grupp tal-Euro jiddiskuti regolarment kwistjonijiet relatati mas-sitwazzjoni ekonomika u l-politika baġitarja tal-istati membri taż-żona tal-euro, kif ukoll:
- is-sitwazzjoni makroekonomika fiż-żona tal-euro
- ir-riformi strutturali li għandhom il-potenzjal li jżidu t-tkabbir
- il-kwistjonijiet relatati maż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro
- it-tħejjijiet għal-laqgħat internazzjonali
- it-tkabbir taż-żona tal-euro
Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro jista' jkollu diskussjonijiet preliminari dwar deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu ser japplikaw biss għall-istati membri taż-żona tal-euro. Meta l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet bħal dawn, huma biss il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro li jivvutaw fil-Kunsill.
Il-Grupp tal-Euro jista' jiddiskuti t-termini tal-assistenza finanzjarja għall-pajjiżi taż-żona tal-euro f'każ li jesperjenzaw diffikultajiet finanzjarji iebsin.
Laqgħat
Normalment il-Grupp tal-Euro jiltaqa' darba fix-xahar, lejlet il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin). Jekk ikun meħtieġ, jistgħu wkoll isiru laqgħat jew telekonferenzi addizzjonali. Il-laqgħat huma informali, u d-diskussjonijiet huma kunfidenzjali.
Il-parteċipanti fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jinkludu:
- il-ministri taż-żona tal-euro b'responsabbiltà għall-finanzi, inkluż il-president tal-Grupp tal-Euro
- rappreżentanti tal-Kummissjoni, tipikament il-Kummissarju/i responsabbli mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u mill-euro
- rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), tipikament il-President tal-BĊE u membru tal-Bord Eżekuttiv
- id-direttur maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà
Il-laqgħat tal-Grupp tal-Euro jistgħu jsiru wkoll f'format inklużiv, li jlaqqa' flimkien ministri tal-ekonomija u tal-finanzi mill-istati membri kollha.
Ir-riżultati tal-laqgħa jiġu ppreżentati lill-pubbliku mill-president tal-Grupp tal-Euro waqt konferenza stampa. Barra minn hekk, il-Grupp tal-Euro jista' joħroġ dikjarazzjonijiet pubbliċi bil-miktub. Il-president jagħti wkoll informazzjoni lill-Kunsill Ecofin, u jirrappreżenta lill-Grupp tal-Euro fis-Summit taż-Żona tal-Euro.
Programmi ta' ħidma u aġendi tal-laqgħat
Il-Grupp tal-Euro jadotta l-programm ta' ħidma tiegħu kull 6 xhur. Il-programm jiddefinixxi l-oqsma ewlenin ta' attenzjoni u jistabbilixxi aġendi preliminari għal-laqgħat li jkun imiss tal-Grupp tal-Euro.
L-aġenda għal kull laqgħa tal-Grupp tal-Euro titħejja mill-president tal-Grupp tal-Euro, li jmexxi wkoll id-diskussjonijiet.
Il-grupp ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro
Il-grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro (EWG) huwa korp preparatorju li jipprovdi assistenza kemm lill-Grupp tal-Euro kif ukoll lill-President tiegħu fit-tħejjija tad-diskussjonijiet tal-ministri.
Il-grupp normalment jiltaqa' darba fix-xahar qabel il-laqgħat tal-Grupp tal-Euro u huwa magħmul minn rappreżentanti tal-istati membri taż-żona tal-euro tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ċentrali Ewropew.
Il-membri tal-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro jeleġġu president għal perjodu ta' sentejn, li jista' jiġi estiż.
Il-kariga ta' president tal-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-Euro bħalissa hija okkupata minn Tuomas Saarenheimo, li nħatar għall-ewwel darba fl-1 ta' April 2020 u nħatar mill-ġdid fil-25 ta' Frar 2022 għal mandat ieħor ta' sentejn.
Elezzjoni tal-president tal-Grupp tal-Euro
Il-membri tal-Grupp tal-Euro jeleġġu l-president tal-Grupp tal-Euro għal terminu ta' sentejn u nofs permezz ta' maġġoranza sempliċi ta' voti.
Ladarba jiġi elett, ir-rwol tal-President jikkonsisti mill-presidenza tal-laqgħat tal-Grupp tal-Euro, l-istabbiliment tal-aġendi tagħhom, it-tfassil tal-programm ta' ħidma fit-tul u r-rappreżentanza tal-Grupp tal-Euro f'fora internazzjonali.
Fil-11 ta' Diċembru 2025, Kyriakos Pierrakakis, il-Ministru għall-Ekonomija u l-Finanzi tal-Greċja, ġie elett bħala President tal-Grupp tal-Euro, f'konformità mal-Protokoll 14 tat-trattati tal-UE. Il-President ser jibda l-mandat tiegħu fit-12 ta' Diċembru 2025 u jservi mandat ta' sentejn u nofs.
Elezzjoni tal-President tal-Grupp tal-Euro
Bażi legali
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE):
- Artikolu 137 - regoli speċifiċi għall-pajjiżi tal-UE li l-munita tagħhom hija l-euro
- Protokoll (Nru 14) dwar il-Grupp tal-Euro
Dokumenti u pubblikazzjonijiet relatati
L-aħħar reviżjoni: 10 ta' Frar 2026