Maġġoranza kwalifikata
L-aktar metodu ta' votazzjoni użat fil-Kunsill
Il-maġġoranza kwalifikata hija s-sistema ta' votazzjoni l-aktar użata fil-Kunsill, b'madwar 80% tal-leġiżlazzjoni kollha tal-UE adottata permezz tagħha.
Dan għaliex maġġoranza kwalifikata tapplika meta l-Kunsill jieħu deċiżjonijiet skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, li hija l-proċess primarju tat-teħid ta' deċiżjonijiet għall-adozzjoni tal-liġijiet tal-UE.
Meta l-Kunsill jilħaq maġġoranza kwalifikata, att leġiżlattiv tal-UE jiġi adottat.
Meta tintlaħaq il-maġġoranza kwalifikata?
Il-maġġoranza kwalifikata tinkiseb jekk jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet fl-istess ħin:
- tal-inqas 55% tal-istati membri jivvutaw favur (15 minn 27)
- dawk l-istati membri jirrappreżentaw tal-inqas 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE
Din il-proċedura hija magħrufa wkoll bħala r-"regola tal-maġġoranza doppja".
Minoranza li timblokka
Il-minoranza li timblokka trid tinkludi mill-inqas erba' stati membri. Jekk ikun hemm inqas minn erba' pajjiżi li jivvutaw kontra, il-maġġoranza kwalifikata titqies li ntlaħqet.
Pereżempju, jekk l-istati membri kollha ħlief tlieta jivvutaw favur l-adozzjoni ta' att leġiżlattiv, il-maġġoranza kwalifikata titqies li ntlaħqet anke jekk l-24 stat membru li jivvutaw favur jirrappreżentaw inqas minn 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE.
Fi kliem ieħor, meta jkun hemm inqas minn erba' membri tal-Kunsill li jivvutaw kontra, il-kriterju tal-popolazzjoni jsir irrilevanti għad-determinazzjoni tal-maġġoranza kwalifikata.
Astensjoni
Astensjoni f'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata tgħodd bħala vot kontra, u għalhekk tikkontribwixxi għall-minoranza (li timblokka).
Astensjoni mhix l-istess bħal nonparteċipazzjoni fil-votazzjoni. Kull membru jista' jastjeni fi kwalunkwe ħin.
Maġġoranza kwalifikata msaħħa
Is-sistema ta' maġġoranza kwalifikata msaħħa tapplika meta l-Kunsill jivvota fuq proposta li ma tiġix ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea.
Il-maġġoranza kwalifikata msaħħa tinkiseb jekk jiġu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet fl-istess ħin:
- tal-inqas 72% tal-istati membri jivvutaw favur (mill-inqas 20 minn 27)
- l-istati membri li jappoġġaw il-proposta jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE
Każijiet speċjali
F'każijiet meta mhux l-istati membri kollha jipparteċipaw fil-votazzjoni, pereżempju minħabba nonparteċipazzjoni f'ċerti oqsma ta' politika (pereżempju l-euro u Schengen), japplikaw regoli speċifiċi tal-votazzjoni.Dawn ir-regoli jiddependu fuq in-natura tal-proposta.
Jekk il-proposta tiġi mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, deċiżjoni tintlaħaq b'maġġoranza kwalifikata jekk 55% tal-istati membri parteċipanti, li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-istati membri parteċipanti, jivvutaw favur. F'dan il-każ, minoranza li timblokka trid tinkludi mill-inqas l-għadd minimu ta' stati membri li jirrappreżentaw aktar minn 35% tal-popolazzjoni tal-UE, flimkien ma' stat membru ieħor.
Jekk il-proposta ma tiġix mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli, deċiżjoni b'maġġoranza kwalifikata msaħħa tiġi adottata jekk 72% tal-istati membri parteċipanti, li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-istati membri parteċipanti, jivvutaw favur.
Kalkulatur tal-votazzjoni
Il-kalkulatur tal-votazzjoni jgħin biex issir taf jekk il-Kunsill jistax jilħaq wieħed mit-tliet limiti tal-votazzjoni meħtieġa biex jadotta att leġiżlattiv.
Segwi dawn l-erba' passi sempliċi biex tivverifika r-riżultat finali ta' vot tal-Kunsill:
- agħżel regola tal-votazzjoni
- agħżel l-istati membri li qed jieħdu sehem fil-vot
- daħħal il-voti
- ivverifika r-riżultat finali
Ara wkoll
Kif jivvota l-Kunsill?
Spjegazzjoni tal-laqgħat tal-Kunsill
Ir-rwol tal-Kunsill fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE
L-aħħar reviżjoni: 23 ta' Frar 2026