- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 25 ta' Mejju 2016 12:50
Evitar tat‑taxxa korporattiva: il‑Kunsill jadotta regoli dwar l‑iskambju ta' informazzjoni relatata mat‑taxxa dwar kumpaniji multinazzjonali
Fil-25 ta’ Mejju 2016, il-Kunsill adotta regoli dwar ir-rapportar minn kumpaniji multinazzjonali ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa u l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni bejn l-istati membri.
Id-direttiva hija l-ewwel element ta’ pakkett ta’ proposti mill-Kummissjoni maħruġ f’Jannar 2016 sabiex isaħħaħ ir-regoli kontra l-evitar tat-taxxa korporattiva. Id-direttiva tibbaża fuq rakkomandazzjonijiet tal-2015 tal‑OECD li jindirizzaw l‑erożjoni tal‑bażi tat‑taxxa u t‑trasferiment tal‑profitt (BEPS).
Id‑direttiva ser timplimenta l-azzjoni nru 13 tal-OECD kontra l-BEPS, li tittratta r-rapportar pajjiż b’pajjiż mill-kumpaniji multinazzjonali, fi strument tal-UE li jorbot legalment. Hija tkopri gruppi ta’ kumpaniji b'total ta' dħul konsolidat tal‑grupp ta' mill‑anqas €750 miljun.
L-għan prinċipali tad-direttiva hu li l-kumpaniji multinazzjonali ma jitħallewx jisfruttaw it-teknikalitajiet ta’ sistema tat-taxxa, jew disparitajiet bejn sistemi tat-taxxa differenti, biex inaqqsu jew jevitaw l-obbligazzjonijiet tagħhom tat-taxxa.
Informazzjoni li trid tiġi rrapportata mill-kumpaniji multinazzjonali
B’żieda fit-trasparenza, id-direttiva tesiġi li l-kumpaniji multinazzjonali jirrapportaw informazzjoni -- imqassma pajjiż b’pajjiż -- dwar dħul, profitti, taxxi mħallsa, kapital, qligħ, assi tanġibbli u n-numru ta’ impjegati.
Din l-informazzjoni trid tiġi rrapportata, diġà mis-sena fiskali 2016, lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-istat membru fejn il-kumpanija omm tal-grupp ikollha r-residenza fiskali tagħha.
Jekk il-kumpanija omm tal-grupp ma tkunx resident fiskali fl-UE u ma tippreżentax rapport, trid tagħmel dan permezz tas-sussidjarji tagħha fl-UE. Dan ir-“rapportar sekondarju” ser ikun fakultattiv għas-sena fiskali 2016, iżda obbligatorju mis-sena fiskali 2017.
Skambju ta’ informazzjoni
Id-direttiva tirrikjedi li l‑awtoritajiet fiskali jiskambjaw dawn ir‑rapporti awtomatikament, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati r-riskji tal-evitar tat‑taxxa relatati mal‑ipprezzar ta' trasferiment[1]. Għal dan il‑għan, hija tibbaża fuq il‑qafas eżistenti tal‑UE għall-iskambju awtomatiku bejn l‑awtoritajiet tat‑taxxa, stabbilit bid‑direttiva 2011/16/UE. Biex jiġu ffrankati l-ispejjeż tal-implimentazzjoni ser jintuża netwerk komuni ta' komunikazzjoni eżistenti.
Id-direttiva tiffissa skadenzi ta’:
- 12-il xahar wara tmiem is-sena fiskali sabiex il-kumpaniji jippreżentaw l-informazzjoni;
- tliet xhur oħra sabiex l-amministrazzjonijiet tat-taxxa jiskambjaw l-informazzjoni awtomatikament.
Hija tirrikjedi wkoll li l-istati membri jistipulaw ir-regoli dwar il-pieni li japplikaw fil-każ ta’ ksur.
Approċċ komuni tal‑UE
Id-direttiva ser tiżgura implimentazzjoni armonizzata fl-UE tar-rakkomandazzjoni tal-OECD dwar ir-rapportar pajjiż b’pajjiż.
Id-direttiva ġiet adottata mingħajr diskussjoni f’laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, wara ftehim milħuq fit-8 ta’ Marzu 2016.
Inizjattivi oħra
Il-pakkett kontra l-evitar tat-taxxa maħruġ f’Jannar 2016 isegwi minn għadd ta’ inizjattivi tal-UE fl-2015. Dawn jinkludu direttiva, adottata f’Diċembru 2015, dwar deċiżjonijiet transfruntiera dwar it-taxxa.
F’Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew semma “ħtieġa urġenti li jiġu avvanzati l-isforzi fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm fil-livell dinji kif ukoll f'dak tal-UE”.
[1] L-ipprezzar ta' trasferiment huwa l-prezz imħallas għal prodotti u servizzi skambjati bejn entitajiet li jikkostitwixxu grupp korporattiv.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024