Skip to content
  • Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, 25/05/2016, 25 ta' Mejju 2016

Riżultati ewlenin

Evitar tat-taxxa korporattiva

Il-Kunsill iddiskuta abbozz ta' direttiva li tindirizza l-prattiki tal-evitar tat-taxxa li jintużaw b'mod komuni mill-kumpaniji kbar. Wara diskussjonijiet fit-tul, huwa qabel li jipposponi l-ftehim dwar dan id-dossier għal-laqgħa tiegħu tas-17 ta' Ġunju 2016.

L-abbozz ta' direttiva jibni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD għall-2015 biex jindirizza l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti. Huwa jindirizza sitwazzjonijiet fejn gruppi korporattivi jieħdu vantaġġ minn disparitajiet bejn sistemi nazzjonali tat-taxxa sabiex inaqqsu l-obbligi tagħhom tat-taxxa.

“Din id-direttiva ser tippermetti lill-istati membri jirrispondu aħjar għal prattiki aggressivi ta’ evitar tat-taxxa, u ninsabu fiduċjużi li ser niksbu riżultat ambizzjuż ix-xahar li ġej”, qal Jeroen Dijsselbloem, il-Ministru għall-finanzi tan-Netherlands u President tal-Kunsill. “Illum kellna dibattitu kostruttiv bejn il-ministri, li ppermettielna nnaqqsu l-għadd ta’ kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu solvuti.”

Il-Kunsill rreġistra progress dwar żewġ elementi oħra tal-pakkett ta’ proposti ta' Jannar 2016 tal-Kummissjoni kontra l-evita tat-taxxa korporattiva. B’segwitu għal ftehim li nltaħaq f'Marzu, huwa adotta direttiva dwar ir-rappurtar minn kumpaniji multinazzjonali ta’ informazzjoni relatata mat-taxxa u l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni bejn l-istati membri. Din id‑direttiva tittrasponi r‑rakkomandazzjoni tal‑OECD dwar ir‑rappurtar għal kull pajjiż minn kumpaniji multinazzjonali fi strument tal‑UE li jorbot legalment. Hija tkopri kumpaniji b'total ta' dħul konsolidat tal‑grupp ta' mill‑anqas €750 miljun.

Il-Kunsill adotta wkoll konklużjonijiet dwar l-aspetti ta’ pajjiżi terzi tal-proposti tal-Kummissjoni. Fost affarijiet oħra, il-konklużjonijiet jirreferu għall-istabbiliment ta’ lista tal-UE ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, li l-ħidma dwarha ser tibda f’Settembru 2016.

Pjan ta' azzjoni tal-VAT

Il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-pjan ta' azzjoni tal-VAT tal-Kummissjoni u rapport speċjali mill-Qorti tal-Awdituri dwar il-frodi tal-VAT.

Il-konklużjonijiet jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni amministrattiva, b’mod partikolari l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni, għall-prevenzjoni tal-frodi tal-VAT. Il-Kunsill laqgħa pjanijiet biex jitnaqqsu l-piżijiet ta’ konformità tal-VAT għan-negozji, partikolarment għall-SMEs, u enfasizza l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat il-kummerċ elettroniku transfruntier. Il-konklużjonijiet jilqgħu l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tipproponi żieda fil-flessibbiltà fuq ir-rati tal-VAT, filwaqt li jinnota l-ħtieġa li s-sistema tal-VAT iżżomm livell suffiċjentii ta’ armonizzazzjoni.

Il-Kummissjoni ser tippreżenta proposta mhux aktar tard mill-2017 għal sistema tal-VAT definittiva għall-kummerċ transfruntier.

“Illum għamilna biss l-ewwel pass, u ser ikunu meħtieġa proposti mill-Kummissjoni biex isir aktar progress”, qal is-Sur Dijsselbloem. “Il-modernizzazzjoni tal-VAT u l-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT jinsabu fuq quddiem tal-aġenda tal-presidenza Netherlandiża.”

Il-Kunsill adotta wkoll direttiva li żżomm ir-rata minima standard tal-VAT għal 15% sa tmiem l-2017, sakemm isiru diskussjonijiet dwar regoli definittivi għall-VAT.

Dokumenti tal-laqgħat

Stqarrijiet għall-istampa

Tagħrif għall-istampa

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

Akkreditazzjoni u avvenimenti għall-istampa

Għal informazzjoni ġenerali dwar l-akkreditazzjoni, jekk jogħġbok żur din il-paġna.

L-akkreditazzjoni tal-media għas-summits internazzjonali li jsiru barra mill-Unjoni Ewropea ser tiġi ttrattata mill-awtoritajiet governattivi tal-pajjiż ospitanti.

Kompli segwina

Laqgħat oħra: Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Ara laqgħat oħrajn

L-aħħar reviżjoni: 8 ta' Jannar 2025