Skip to content

Minn fejn iġġib iż-żejt tagħha l-UE?

L-UE timporta ż-żejt mhux raffinat kważi kollu tagħha minn firxa ta' pajjiżi. F'dawn l-aħħar ftit snin, l-UE ssostitwiet il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet taż-żejt Russu tagħha.

Għaliex l-UE għandha bżonn timporta ż-żejt tagħha?

Iż-żejt jirrappreżenta sehem kbir tal-enerġija kkunsmata fl-UE, iżda l-istati membri tal-UE ma għandhom l-ebda riżerva kbira ta' żejt. Huwa għalhekk li l-UE timporta kważi ż-żejt mhux raffinat kollu tagħha (madwar 97% fl-2024).

Għalkemm l-UE qed titbiegħed mill-fjuwils fossili, għadha dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet taż-żejt. Fl-2025, l-UE importat madwar 435 miljun tunnellata (Mt) ta' żejt mhux raffinat, b'valur ta' aktar minn €212 biljun.

Fornituri ewlenin taż-żejt mhux raffinat fl-2025

Fl-2025, it-tliet sħab ewlenin tal-UE tal-importazzjonijiet kienu l-Istati Uniti, il-Każakistan u n-Norveġja, bit-tlieta li huma jipprovdu bejn 12% u 15% tal-importazzjonijiet taż-żejt tal-UE (f'termini ta' kwantitajiet importati).

Ir-raba' sieħeb tal-UE tal-importazzjonijiet kien il-Libja, b'sehem ta' aktar minn 9%, segwita mill-Arabja Sawdija (6.8%) u n-Niġerja u l-Iraq (it-tnejn li huma b'sehem ta' 5.8%). Fl-2025, madwar 7% tal-importazzjonijiet mill-UE taż-żejt ġew mill-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC): il-Bahrain, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija u l-Emirati Għarab Magħquda.

Pjattaforma taż-żejt offshore wieqfa fil-baħar, bil-mewġ u qatra kbira żejt iswed quddiemha.
Verżjoni testwali

Ċart li turi l-pajjiżi li esportaw iż-żejt lejn l-UE fl-2025 u kemm esportaw żejt f'miljuni ta' tunnellati. Il-biċċa l-kbira taż-żejt mhux raffinat ġie mill-Istati Uniti (14.6% tal-importazzjonijiet mill-UE taż-żejt f'termini ta' kwantitajiet importati), mill-Każakistan (12.8%) u min-Norveġja (12.8%). Għaxar pajjiżi oħra kull wieħed kellhom sehem ta' bejn 10% u 2% tal-importazzjonijiet.

F'termini tal-valur taż-żejt importat, l-Istati Uniti jinsabu fil-quċċata tal-lista b'sehem saħansitra akbar ta' 15.1%, segwiti min-Norveġja (14.4%), il-Każakistan (12.7%), il-Libja (9%) u l-Arabja Sawdija (6.5%).

Nitbiegħdu miż-żejt Russu

Is-sħab ewlenin tal-UE tal-importazzjonijiet taż-żejt inbidlu b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar ftit snin. Mindu saret l-invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mir-Russja fl-24 ta' Frar 2022, l-UE imponiet sanzjonijiet fuq ir-Russja sabiex tnaqqas il-kapaċità tagħha li twettaq il-gwerra illegali ta' aggressjoni tagħha.

Is-sehem tar-Russja tal-importazzjonijiet mill-UE taż-żejt naqas minn 25.8% fl-2021 għal 2.2% fl-2025. Dan ġie kkumpensat prinċipalment minn importazzjonijiet dejjem akbar mill-Istati Uniti, in-Norveġja u l-Każakistan.

Iċ-ċart ta' hawn taħt turi l-ammont ta' żejt importat mill-UE f'miljuni ta' tunnellati.

Verżjoni testwali

Bar chart li turi l-ħames sħab ewlenin tal-UE tal-importazzjonijiet taż-żejt u kemm esportaw żejt lejn l-UE fl-2021, l-2023 u l-2025.

L-importazzjonijiet mir-Russja naqsu minn 114.4 Mt fl-2021 għal 9.7 Mt fl-2025. L-importazzjonijiet mill-Istati Uniti żdiedu minn 37.1 Mt fl-2021 għal 63.5 Mt fl-2025. Pajjiżi oħra li bdew jesportaw aktar żejt lejn l-UE jinkludu l-Każakistan (35.2 Mt fl-2021, 55.8 Mt fl-2025) u n-Norveġja (40.2 Mt fl-2021, 55.7 Mt fl-2025).

Il-produzzjoni taż-żejt mhux raffinat fl-UE

Porzjon minimu biss tal-provvista taż-żejt tal-UE jinkiseb minn ġewwa l-UE. L-estrazzjoni taż-żejt mhux raffinat fl-UE ilha tonqos għal dawn l-aħħar 20 sena. Fl-2024 (l-aħħar sena li għaliha hemm data disponibbli), il-pajjiżi tal-UE pproduċew 15.5 Mt ta' żejt mhux raffinat - ekwivalenti għal 3.6% tal-importazzjonijiet totali biss.

Il-produtturi ewlenin taż-żejt fl-UE fl-2024 kienu l-Italja (4.37 Mt), id-Danimarka (2.96 Mt) u r-Rumanija (2.76 Mt), segwiti mill-Ġermanja (1.6 Mt) u l-Ungerija (1 Mt).

Filwaqt li l-UE tiddependi ħafna minn pajjiżi terzi għall-estrazzjoni taż-żejt mhux raffinat, għandha settur tar-raffinar kbir. Iż-żejt mhux raffinat li jiġi importat fl-UE jiġi ttrasformat f'raffineriji fl-UE biex isiru prodotti tal-petroleum, inkluż diversi tipi ta' fjuwil għall-karozzi, l-inġenji tal-ajru u l-bastimenti.

Fl-2024, ir-raffineriji tal-UE pproduċew 543.7 Mt ta' prodotti taż-żejt. L-akbar produttur ta' prodotti tal-petroleum kien il-Ġermanja, segwit mill-Italja, Spanja u n-Netherlands.

Il-konsum taż-żejt u tal-prodotti tal-petroleum skont is-settur

Kważi żewġ terzi taż-żejt jintuża għat-trasport – primarjament fis-settur tat-trasport bit-triq, li kien responsabbli għal 47.7% tal-konsum taż-żejt tal-UE fl-2024. Setturi oħra li jużaw ammonti sinifikanti ta' żejt huma t-trasport bl-ajru, it-trasport bl-ilma u l-industrija.

Is-settur industrijali juża ż-żejt kemm bħala sors ta' enerġija kif ukoll għal użi mhux tal-enerġija, pereżempju biex jagħmel prodotti bħall-bitum għall-uċuħ tat-toroq, il-plastik u t-tajers.

Verżjoni testwali

Pie chart li turi s-sehem tal-konsum taż-żejt u tal-prodotti tal-petroleum skont is-settur fl-UE fl-2024.

  • Trasport bit-triq: 47.7%
  • Trasport bl-ajru: 9.2%
  • Trasport bl-ilma: 8.4%
  • Is-settur tal-industrija u l-enerġija: 21.6%
  • Unitajiet domestiċi: 4.6%
  • Użi oħrajn: 8.4%

Ara wkoll

L-infografika tipprovdi data reċenti dwar il-provvista tal-gass tal-UE.
Minn fejn jiġi l-gass tal-UE?

Minn fejn jiġi l-gass tal-UE?

Collage li jinkludi torrijiet ta' muniti li jiżdiedu fl-għoli tagħhom, bramel taż-żejt, ajruplani tal-ġlied, u rublu Russu fl-isfond. L-immaġni hija sovrapposta b'kuluri li jixbhu l-bandiera Russa.
Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet

Sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja: mistoqsijiet u tweġibiet

An electric car plugged into a charging point in front of a large tank of hydrogen, wind turbines and stylised leaves.
Trasport aktar ekoloġiku

Trasport aktar ekoloġiku

L-aħħar reviżjoni: 17 ta' April 2026