- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 18 ta' Marzu 2025 12:20
Dikjarazzjoni mir-Rappreżentant Għoli tal-UE dwar l-allinjament ta' ċerti pajjiżi terzi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi b'reazzjoni għar-rikonoxximent, l-okkupazzjoni jew l-annessjoni illegali mill-Federazzjoni Russa ta' ċerti żoni tal-Ukrajna mhux ikkontrollati mill-gvern
Fl-24 ta' Frar 2025, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2025/3961.
Id-Deċiżjoni (PESK) 2025/396 timponi restrizzjonijiet fuq servizzi li jiffaċilitaw l-okkupazzjoni illegali mir-Russja u li jippermettu lill-atturi ekonomiċi jintegraw fis-sistema legali u finanzjarja tar-Russja, primarjament fuq il-forniment liż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' servizzi ta' kontabbiltà, awditjar, żamma tal-kotba, konsulenza dwar it-taxxa, konsulenza dwar in-negozju u maniġerjali, relazzjonijiet pubbliċi, kostruzzjoni, arkitettura, inġinerija, konsulenza legali, konsulenza tal-IT, riċerka dwar is-suq u stħarriġ tal-opinjoni pubblika, ittestjar u analiżi tekniċi u reklamar. Id-Deċiżjoni tipprojbixxi wkoll il-forniment liż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' ċertu software għall-ġestjoni tal-intrapriżi u software għad-disinn u l-manifattura industrijali, kif ukoll ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali jew sigrieti kummerċjali relatati. Barra minn hekk, tipprojbixxi l-provvista lil żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' karti tal-flus denominati fi kwalunkwe munita uffiċjali ta' Stat Membru. Id-Deċiżjoni tirrestrinġi wkoll l-esportazzjoni lejn iż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern ta' ċerti prodotti u teknoloġija li huma wkoll ristretti bid-Deċiżjoni 2014/512/PESK.
L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, il-Georgia, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, il-Montenegro, il-Maċedonja ta' Fuq, in-Norveġja, ir-Repubblika tal-Moldova, is-Serbja u l-Ukrajna jallinjaw ruħhom ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
Huma ser jiżguraw li l-politiki nazzjonali tagħhom ikunu konformi ma' din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.
L-Unjoni Ewropea tieħu nota ta' dan l-impenn u tilqgħu b'sodisfazzjon.
1 ĠU L, 2025/396, 24.02.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/396/oj
Kuntatti għall-istampa
-
Anitta Hipper Lead Spokesperson
- +32 2 29 85691
- +32 460 76 14 21
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 11 ta' Diċembru 2025