Kronoloġija: Storja
Film: "Minn kelmtejn bejn il-ħbieb għal protagonist fit-teħid tad-deċiżjonijiet"
Dan id-dokumentarju jirrakkonta l-istorja tal-Kunsill Ewropew minn meta twaqqaf sal-ġurnata tal-lum. Juri l-passi importanti tul dawn l-aħħar deċennji li sawru l-mod kif il-mexxejja tal-UE jieħdu d-deċiżjonijiet.
L-istorja tingħad mill-perspettiva ta' dawk li raw it-trasformazzjoni tal-Kunsill Ewropew fiċ-ċentru tat-teħid tad-deċiżjonijiet li huwa llum.
Skopri aktar dwar l-avvenimenti u t-trattati li sawru r-rwoli tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill tal-UE, tal-Grupp tal-Euro u s-Summit tal-Euro.
-
1950
Id-Dikjarazzjoni ta' Schuman
Il-ministru għall-affarijiet barranin Franċiż Robert Schuman ħabbar il-ħolqien ta' Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar taħt il-kontroll ta' awtorità għolja komuni. Il-pedamenti għall-Unjoni Ewropea kienu ġew stabbiliti, abbażi ta' żewġ prinċipji ewlenin: il-paċi u s-solidarjetà.
-
1952
23 ta' LuljuIt-Trattat ta' Pariġi
It-Trattat ta' Pariġi jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (KEFA) li toħloq suq komuni għall-faħam u l-azzar. Dan inaqqas l-isfiduċja u t-tensjonijiet bejn pajjiżi ġirien Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija. It-Trattat KEFA, li skada fl-2002, huwa l-ewwel trattat fundatur tal-Komunità Ewropea.
-
1958
1 ta' JannarIt-Trattati ta' Ruma
It-Trattati ta' Ruma jistabbilixxu l-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE) u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom). Issir l-ewwel laqgħa tal-Kunsill tal-KEE fil-25 ta' Jannar 1958 b'Victor Larock, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Belġju, bħala president.
-
1973
1 ta' JannarL-ewwel tkabbir
Id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit jissieħbu fil-Komunitajiet Ewropej, b'hekk l-għadd ta' stati membri jitla' għal disgħa.
-
1974
9 ta' DiċembruIl-ħolqien tal-Kunsill Ewropew
Wara s-summit ta' Copenhagen f'Diċembru 1973, li ppreveda li jsiru summits kull meta jkun meħtieġ, is-summit ta' Pariġi ta' Diċembru 1974, ospitat mill-President Valéry Giscard d'Estaing, joħloq il-Kunsill Ewropew. Dan inħoloq bl-intenzjoni li jiġi stabbilit forum informali għal diskussjoni bejn il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern.
-
1975
11 ta' MarzuL-ewwel laqgħa tal-Kunsill Ewropew
Il-Kunsill Ewropew il-ġdid jiltaqa' l-ewwel darba f'Marzu 1975 f'Dublin.
-
1981
1 ta' JannarIl-Greċja tissieħeb fl-UE
L-għadd ta' membri tal-UE jilħaq ċifri doppji meta tissieħeb il-Greċja.
-
1985
14 ta' ĠunjuIl-Ftehim ta' Schengen
Jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Schengen dwar it-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri mill-Belġju, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u n-Netherlands f'Schengen (il-Lussemburgu).
Il-Ftehim ta' Schengen b'mod gradwali ser jippermetti li n-nies jivvjaġġaw mingħajr ma jiġu ċċekkjati l-passaporti tagħhom fil-fruntieri interni. L-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Schengen tibda aktar tard, fl-1995.
-
1985
28 u 29 ta' ĠunjuIl-Kunsill Ewropew jadotta l-bandiera tal-UE
Il-Kunsill Ewropew formalment jadotta l-bandiera bħala l-logo uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.
-
1985
2 ta' DiċembruIl-Kunsill Ewropew tal-Lussemburgu
Il-Kunsill Ewropew jilħaq qbil politiku li jwitti t-triq għall-adozzjoni tal-Att Uniku Ewropew.
-
1986
1 ta' JannarSpanja u l-Portugall isiru membri tal-UE
Spanja u l-Portugall jissieħbu fl-UE, u jtellgħu l-għadd ta' membri tal-Komunitajiet Ewropej għal 12.
-
1987
1 ta' LuljuL-Att Uniku Ewropew
L-Att Uniku Ewropew (Single European Act - SEA) jistabbilixxi s-suq intern, li jipprevedi l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital. Huwa jniedi l-kooperazzjoni dwar il-politika barranija u jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kunsill.
L-Att Uniku Ewropew jagħti wkoll bażi ġuridika lill-Kunsill Ewropew, b'hekk jifformalizza l-laqgħat tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern.
-
1992
11 ta' DiċembruSeduti pubbliċi
Il-Kunsill Ewropew ta' Edinburgu tal-1992 iniedi d-dibattiti pubbliċi, prattika li ġiet estiża b'mod sostanzjali matul is-snin, l-aktar reċentement bit-Trattat ta' Lisbona.
Illum id-dibattiti u d-deliberazzjonijiet pubbliċi tal-Kunsill jistgħu jiġu segwiti fuq is-sit web.
-
1993
1 ta' NovembruIt-Trattat ta' Maastricht
Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Maastricht, li joħloq l-Unjoni Ewropea bbażata fuq pilastru ''Komunitarju'' estiż. Dan joħloq l-unjoni ekonomika u monetarja u jistabbilixxi żewġ pilastri ġodda: il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (ĠAI).
Il-Kunsill Ewropew jikseb status formali fit-Trattat ta' Maastricht. Huwa definit bħala li jagħti l-impetu u l-linji gwida politiċi ġenerali għall-iżvilupp tal-UE.
It-Trattat ta' Maastricht jibda wkoll il-mixja lejn l-euro u jniedi l-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK).
-
1995
1 ta' JannarIr-raba' tkabbir tal-UE
L-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja jissieħbu fl-UE. Il-15-il membru issa jkopru kważi l-Ewropa tal-Punent kollha.
-
1996
1 ta' JannarIl-Kunsill Ewropew jiltaqa' erba' darbiet fis-sena
Mill-1996, il-Kunsill Ewropew jiltaqa' mill-inqas erba' darbiet fis-sena. Qabel, kienu meħtieġa biss żewġ laqgħat fis-sena.
-
1997
13 ta' DiċembruIl-ħolqien tal-Grupp tal-Euro
Il-Kunsill Ewropew japprova l-ħolqien tal-Grupp tal-Euro, korp informali li jlaqqa' l-ministri għall-finanzi tal-pajjiżi li l-munita tagħhom hija l-euro. L-ewwel laqgħa tal-Grupp tal-Euro ssir fl-4 ta' Ġunju 1998 fix-Chateau de Senningen fil-Lussemburgu.
-
1999
1 ta' MejjuIt-Trattat ta' Amsterdam
It-Trattat ta' Amsterdam jistabbilixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, u jintegra l-Ftehim ta' Schengen fil-liġi tal-UE. It-Trattat jimmodifika r-rwol tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, li jsir ukoll ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni.
-
2002
1 ta' JannarL-euro jidħol fiċ-ċirkolazzjoni
Fl-1 ta' Jannar 2002 l-euro jibda jiċċirkola bħala karti tal-flus u muniti, u jieħu post il-muniti nazzjonali.
-
2003
1 ta' FrarIt-Trattat ta' Nizza
It-Trattat ta' Nizza jintroduċi r-riforma tal-istituzzjonijiet tal-UE, bi tħejjija għall-UE mkabbra futura ta' 27 Stat Membru. Il-Kunsill jiġi rriformat biex jiġi estiż l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata, u biex jiġi introdott il-prinċipju ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-istati membri.
-
2003
1 ta' OttubruIl-laqgħat tal-Kunsill Ewropew isiru Brussell
Minn Ottubru 2003, il-laqgħat formali kollha tal-Kunsill Ewropew jibdew isiru Brussell.
It-22 dikjarazzjoni tat-Trattat ta' Nizza tistipula li l-laqgħat kollha tal-Kunsill Ewropew isiru fi Brussell ladarba l-UE jkollha 18-il stat membru.
Il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew isiru fil-bini Europa fi Brussell mill-2017 'l hawn ©Philippe Samyn and Partners architects & engineers - lead and design partner, Studio Valle Progettazioni architects, Buro Happold engineers -
2004
1 ta' MejjuL-akbar tkabbir tal-UE
Għaxar pajjiżi ġodda jissieħbu fl-UE f'daqqa: ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovakkja u s-Slovenja. Dan huwa l-akbar tkabbir f'daqqa tal-UE f'termini ta' popolazzjoni u għadd ta' pajjiżi.
Issa hemm 25 stat membru tal-UE.
-
2007
1 ta' JannarIl-Bulgarija u r-Rumanija jissieħbu fl-UE
Il-Bulgarija u r-Rumanija jsiru membri tal-UE, biex b'hekk l-għadd ta' stati membri jitla' għal 27.
-
2009
19 ta' NovembruHerman Van Rompuy elett president tal-Kunsill Ewropew
F'laqgħa informali fi Brussell fid-19 ta' Novembru 2009, il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-UE jaqblu b'mod unanimu li jaħtru lil Herman Van Rompuy bħala l-ewwel President permanenti tal-Kunsill Ewropew.
-
2009
1 ta' DiċembruIt-Trattat ta' Liżbona
Jidħol fis-seħħ it-Trattat ta' Liżbona, li jirriforma l-istruttura tal-UE u l-mod kif tiffunzjona.
Dan jestendi l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.
Il-Kunsill Ewropew isir istituzzjoni fiha nfisha bil-President tagħha stess. Qabel, il-Kunsill Ewropew kien korp informali u l-kariga ta' kap tal-Kunsill Ewropew kienet pożizzjoni mhux uffiċjali. Ir-rwol kien jittieħed mill-kap ta' stat jew ta' gvern tal-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE.
-
2009
10 ta' DiċembruKunsill Ewropew ippresedut minn Fredrik Reinfeldt
Għall-aħħar darba, il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tiġi ppreseduta minn president jew prim ministru tal-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill.
Il-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2009 huwa ppresedut mill-Prim Ministru tal-Iżvezja, Fredrik Reinfeldt.
-
2012
1 ta' MarzuIt-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja
Fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fl-1 u t-2 ta' Marzu 2012, 25 mexxej Ewropew iffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG).
It-trattat jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013 u jifformalizza s-Summit taż-Żona tal-Euro. L-organizzazzjoni tas-Summit tal-Euro u r-rwol tal-President tiegħu huma stabbiliti fl-artikolu 12 tiegħu.
-
2012
1 ta' MarzuHerman Van Rompuy elett mill-ġdid
Herman Van Rompuy huwa elett għat-tieni mandat tiegħu bħala President tal-Kunsill Ewropew, mill-1 ta' Ġunju 2012 sat-30 ta' Novembru 2014.
-
2012
10 ta' DiċembruL-UE tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi
Fl-2012, l-Unjoni tirċievi l-Premju Nobel għall-Paċi tal-promozzjoni tal-kawżi tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa.
Waqt l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-UE, il-Kumitat Norveġiż tal-Premju Nobel jgħid li d-deċiżjoni tiegħu hija bbażata fuq ir-rwol ta' stabilizzazzjoni li kellha l-UE fit-trasformazzjoni tal-parti l-kbira tal-Ewropa minn kontinent fi gwerra għal kontinent ta' paċi.
-
2013
1 ta' LuljuIl-Kroazja tissieħeb fl-Unjoni Ewropea
Il-Kroazja ssir it-tieni pajjiż mill-ex-Jugoslavja li jissieħeb fl-UE, wara s-Slovenja.
L-UE issa għandha 28 Stat Membru.
-
2014
1 ta' DiċembruDonald Tusk isir President tal-Kunsill Ewropew
Donald Tusk jissostitwixxi lil Herman Van Rompuy bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2014 sal-31 ta' Mejju 2017.
-
2017
9 ta' MarzuDonald Tusk elett mill-ġdid bħala president tal-Kunsill Ewropew
Donald Tusk ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs, mill-1 ta' Ġunju 2017 sat-30 ta' Novembru 2019.
-
2017
29 ta' MarzuIr-Renju Unit jattiva formalment l-Artikolu 50 biex iħalli l-UE
Wara r-riżultat tar-referendum tar-Renju Unit fit-23 ta' Ġunju 2016, fejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit ivvotaw biex jitilqu mill-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika formalment lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li jitlaq mill-UE.
Il-Kunsill Ewropew adotta dikjarazzjoni dwar in-notifika tar-Renju Unit.
Jiddispjaċina li r-Renju Unit ser iħalli l-Unjoni Ewropea, iżda aħna lesti għall-proċess li issa ser ikollna nsegwu. (...) F'dawn in-negozjati l-Unjoni ser taġixxi bħala entità waħda u ser tippreserva l-interessi tagħha. L-ewwel prijorità tagħna ser tkun li tiġi minimizzata l-inċertezza kkawżata mid-deċiżjoni tar-Renju Unit għaċ-ċittadini, in-negozji u l-istati membri tagħna.
Kunsill Ewropew, 29 ta' Marzu 2017 -
2019
1 ta' DiċembruCharles Michel isir President tal-Kunsill Ewropew
Charles Michel jissostitwixxi lil Donald Tusk bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2019 sal-31 ta' Mejju 2022.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew -
2020
31 ta' JannarIr-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea
Wara referendum nazzjonali fit-23 ta' Ġunju 2016 u r-ratifika tal-ftehim dwar il-ħruġ miż-żewġ partijiet f'Jannar 2020, ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea.
-
2022
24 ta' MarzuCharles Michel elett mill-ġdid bħala president tal-Kunsill Ewropew
Charles Michel ġie elett mill-ġdid bħala President tal-Kunsill Ewropew għat-tieni mandat ta' sentejn u nofs, mill-1 ta' Ġunju 2022 sat-30 ta' Novembru 2024.
-
2024
1 ta' DiċembruAntónio Costa jilħaq President tal-Kunsill Ewropew
António Costa jissostitwixxi lil Charles Michel bħala President tal-Kunsill Ewropew. Il-mandat tiegħu huwa mill-1 ta' Diċembru 2024 sal-31 ta' Mejju 2027.
António Costa, President tal-Kunsill Ewropew
L-aħħar reviżjoni: 29 ta' Mejju 2026