"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.

Żur il-paġna tal-politika tal-cookies tagħna għal aktar informazzjoni u biex tibdel is-settings tiegħek.

български español čeština dansk Deutsch eesti Ελληνικά English français Gaeilge hrvatski italiano latviešu lietuvių magyar Malti Nederlands polski português română slovenčina slovenščina suomi svenska
Skip to content

Renju Unit

L-UE u r-Renju Unit huma sħab strateġiċi li jaqsmu valuri komuni u jistinkaw biex isaħħu l-kooperazzjoni f'oqsma ta' interess reċiproku biex jissodisfaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini tagħhom.

Sħubija strateġika

Ir-Renju Unit huwa eks Stat Membru tal-UE li ħareġ mill-UE fil-31 ta' Jannar 2020 wara 47 sena ta' sħubija.

Filwaqt li r-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit diġà hija rregolata minn sett ta' ftehimiet komprensivi, ħames snin wara l-ħruġ tar-Renju Unit, fl-ewwel summit bejn l-UE u r-Renju Unit li sar fid-19 ta' Mejju 2025, l-UE u r-Renju Unit laħqu qbil dwar sħubija strateġika. It-tnejn li huma issa mistennija jaħdmu flimkien fuq kwistjonijiet globali u jtejbu l-kooperazzjoni dwar bosta kwistjonijiet bilaterali, għall-benefiċċju taċ-ċittadini u fl-interess reċiproku.

Iż-żewġ naħat reġgħu kkonfermaw ukoll li s-sħubija hija mirfuda mill-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit, inkluż il-Qafas ta' Windsor, u mill-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni. Dawn il-ftehimiet jibqgħu l-pedament, u ż-żewġ naħat ser jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa, f'waqtha u leali tagħhom.

Is-summit stabbilizza r-relazzjoni u, ladarba ntemm, il-Kummissjoni Ewropea u r-Renju Unit wiegħdu li ser jaħdmu fuq ftehimiet futuri, fosthom dwar l-enerġija, ir-regoli agroalimentari, il-klima, il-kuntatti bejn il-persuni, il-migrazzjoni u l-infurzar tal-liġi.

Il-President Costa bilqiegħda ħdejn il-President von der Leyen u l-Prim Ministru Starmer. Il-bnadar tal-UE u tar-Renju Unit fuq wara.
Il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit fis-summit tad-19 ta' Mejju 2025

Sigurtà u difiża

Ir-Renju Unit u l-UE jaqsmu responsabbiltà għas-sigurtà tal-Ewropa, u l-isfidi u l-interessi tas-sigurtà rispettivi tagħhom huma marbutin flimkien mill-qrib.

Fis-summit tad-19 ta' Mejju 2025, iż-żewġ naħat laħqu qbil dwar sħubija għas-sigurtà u d-difiża li għandha l-għan li toħloq qafas għall-kooperazzjoni f'firxa wiesgħa ta' oqsma bħal:

  • kwistjonijiet ta' sigurtà reġjonali
  • tiswir tal-paċi u ġestjoni tal-kriżijiet, inkluż il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni possibbli tar-Renju Unit fl-operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-UE
  • sigurtà marittima
  • inizjattivi, politiki u strumenti
  • sigurtà fl-ispazju
  • kwistjonijiet ta' ċiberspazju
  • theddid ibridu u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika
  • manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza minn barranin
  • nonproliferazzjoni, diżarm u armi konvenzjonali
  • tisħiħ tal-kapaċitajiet għas-sħab
  • taħriġ u edukazzjoni
  • kooperazzjoni f'pajjiżi terzi u fora multilaterali

Fid-dawl tal-adozzjoni tal-istrument finanzjarju SAFE (Azzjoni għas-Sigurtà tal-Ewropa), ir-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ikkommettew ruħhom li jesploraw malajr il-possibbiltajiet għal aktar kooperazzjoni.

Għar-Renju Unit u għal dawk l-istati membri tal-UE li huma alleati tan-NATO, in-NATO tibqa' l-pedament tad-difiża kollettiva tagħhom.

Prijoritajiet globali

L-UE u r-Renju Unit huma sħab tal-istess fehma li jaqsmu valuri komuni, jappoġġaw il-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażata fuq ir-regoli u jippromwovu l-istabbiltà u l-prosperità madwar id-dinja.

Fis-summit tad-19 ta' Mejju 2025, il-mexxejja tal-UE u tar-Renju Unit ħarġu dikjarazzjoni konġunta li fiha identifikaw diversi prijoritajiet globali, inkluż:

  • waqfien mill-ġlied sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet u taħditiet sinifikattivi għal paċi ġenwina bl-għan li tintemm il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jerġa' jkun hemm paċi komprensiva, ġusta u dejjiema
  • waqfien mill-ġlied immedjat u permanenti f'Gaża, il-ħelsien tal-ostaġġi kollha u l-fluss mingħajr xkiel ta' għajnuna umanitarja lejn Gaża
  • l-Iran/is-Sirja

Il-mexxejja enfasizzaw ukoll l-importanza li jinżamm kummerċ ħieles, sostenibbli, ġust u miftuħ, tennew l-impenn tagħhom għall-Balkani tal-Punent u faħħru l-ftehim bejn l-Indja u l-Pakistan biex jitwaqqfu l-ostilitajiet.

Ara wkoll

Il-ftehim dwar il-ħruġ bejn l-UE u r-Renju Unit

Immaġni ta' kontejners tal-merkanzija stivati fuq xulxin immarkati bil-bandiera tal-UE u dik tar-Renju Unit, b'ikoni ta' muniti u ikoni marbuta mal-kummerċ sospiżi fuqhom.

Ftehimiet ta' wara l-Brexit

Spjegazzjoni tal-Qafas ta' Windsor

L-aħħar reviżjoni: 28 ta' Mejju 2025