Regolament Omnibus - Regoli agrikoli
Fil-qosor
Fil-11 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill Agrikoltura u Sajd adotta l-parti agrikola tar-regolament Omnibus, wara l-qbil informali milħuq mal-Parlament Ewropew fit-12 ta' Ottubru.
Fl-1 ta' Jannar 2018 dan it-titjib tekniku fil-Politika Agrikola Komuni (PAK) daħal fis-seħħ.
Il-parti agrikola tar-regolament Omnibus temenda l-erba' regolamenti dwar il-PAK:
- il-pagamenti diretti
- l-iżvilupp rurali
- l-organizzazzjoni komuni tas-suq u
- ir-regolament orizzontali
Fid-dettall
Dawn huma xi wħud mill-bidliet ewlenin:
-
Pagamenti diretti: ir-regoli dwar il-bur permanenti ġew modifikati biex jagħtu flessibbiltà akbar lill-istati membri. Ċerti elementi tal-ekoloġizzazzjoni ser isiru aktar sempliċi. Barra minn hekk, id-distinzjoni bejn bdiewa attivi u bdiewa mhux attivi ser issir fakultattiva, biex b'hekk kulfejn din irriżultat f'piż amministrattiv eċċessiv l-istati membri jkunu jistgħu jwaqqfuha.
-
Żvilupp rurali: il-miżuri għall-ġestjoni tar-riskju ser isiru aktar attraenti billi jitbaxxew xi livelli limitu filwaqt li jogħlew ir-rati tal-appoġġ. Barra minn hekk, ser jiġi ssimplifikat l-użu tal-istrumenti finanzjarji.
- Organizzazzjoni komuni tas-swieq: uħud mill-prerogattivi tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi bħall-ippjanar tal-produzzjoni, l-ottimizzazzjoni tal-ispejjeż tal-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u n-negozjar ta' kuntratti għall-provvista ta' prodotti agrikoli f'isem il-membri, ser jiġu estiżi għas-setturi kollha bil-ħsieb li titjieb il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista. Dawn il-prerogattivi diġà jeżistu f'setturi bħaż-żejt taż-żebbuġa, iċ-ċanga u l-prodotti ta' raba' li jinħadem. L-opzjoni li jiġu nnegozjati kollettivament kuntratti b'termini dwar il-kondiviżjoni tal-valur għandha tiġi estiża għal setturi oħra għajr iz-zokkor u ser tkun ta' natura volontarja.
Kuntest
Ir-regolament dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-hekk imsejjaħ regolament Omnibus, ġie ppubblikat f’Settembru 2016 bħala parti mill-pakkett ta’ rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). Kien jinkludi bidliet applikabbli għal kull wieħed mill-erba’ regolamenti bażiċi tal-PAK, bl-għan li l-politika agrikola komuni tkompli tiġi ssimplifikata għall-benefiċċju tal-bdiewa kif ukoll tal-awtoritajiet nazzjonali.
Il-proposta Omnibus kienet tifforma t-tieni fażi tal-eżerċizzju ta’ simplifikazzjoni tal-PAK u ssegwi għadd ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni adottati permezz ta’ bidliet f'atti delegati u ta’ implimentazzjoni u linji gwida tal-Kummissjoni.
Skont il-proċedura leġislattiva ordinarja, il-proposta Omnibus kien irid isir qbil dwarha kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill.
Fil-Kunsill, il-parti agrikola tal-proposta Omnibus ġiet diskussa għal diversi drabi mill-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura (KSA) u mill-Kunsill Agrikoltura u Sajd.
Fl-10 ta' April 2017, il-KSA qabel dwar il-pożizzjoni tiegħu li mbagħad intbagħtet lill-ambaxxaturi għall-UE fil-Coreper.
Fit-28 ta' Ġunju 2017, il-Coreper qabel rigward il-mandat ta’ negozjati tal-Kunsill dwar il-proposta Omnibus kollha kemm hi uta l-approvazzjoni lill-presidenza biex tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew.
Fit-tieni nofs tal-2017 saru diskussjonijiet ta' trilogu bejn il-presidenza tal-Kunsill u rappreżentanti tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni, li wasslu għal qbil preliminari fit-12 ta' Ottubru.
Fis-16 ta' Ottubru 2017, l-istati membri rrappreżentati fil-Kumitat Speċjali dwar l-Agrikoltura approvaw il-ftehim rigward il-parti agrikola tar-regolament Omnibus.