Skip to content
  • Kunsill tal-Unjoni Ewropea
  • Stqarrija għall-istampa
  • 28 ta' Ġunju 2017 17:00

Regoli aktar sempliċi għal min juża l-fondi tal-UE

Il-Kunsill irid li jissimplifika l-ħajja kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-amministraturi tal-fondi tal-UE. Fit-28 ta’ Ġunju 2017, il-Kunsill ta mandat lill-presidenza tiegħu biex tibda taħditiet mal-Parlament Ewropew dwar proposta tal-Kummissjoni biex ir-regoli finanzjarji tal-UE jsiru aktar sempliċi u aktar iffokati fuq ir-riżultati. L-hekk imsejjaħ abbozz ta’ regolament omnibus ser jemenda r-regolament finanzjarju li jirregola l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kif ukoll 15-il att leġislattivi settorjali, inkluż fil-qasam tal-agrikoltura u l-politika ta’ koeżjoni.

"Il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-Kunsill hija appell qawwi biex l-affarijiet isiru aktar faċli. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni li tħallas fondi aktar malajr u b’inqas kontrolli burokratiċi tal-ispejjeż eliġibbli. Fl-istess ħin irridu niżguraw li l-fondi tal-UE jkomplu jiġu mmaniġġati bi prudenza.”

Il-Professur Edward Scicluna, Ministru għall-Finanzi ta' Malta u President tal-Kunsill

Enfasi fuq ir-riżultati

Fil-pożizzjoni ta’ negozjar tiegħu l-Kunsill appoġġa l-possibilità li l-pagamenti tal-UE jkunu bbażati fuq ir-riżultati aktar milli fuq ir-rimborż tal-ispejjeż magħmula. Dan ikun jiffranka ħafna ħin u spejjeż għall-benefiċjarji u l-awtoritajiet u jnaqqas ir-riskju ta’ żball fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE.

Ir-regoli l-ġodda jkunu jippermettu wkoll użu aktar faċli ta’ somom ta’ flus f’daqqa u għażliet tal-ispejjeż issimplifikati. Dan ikun ifisser, pereżempju, li r-riċerkaturi jistgħu jqattgħu aktar ħin fil-laboratorju u inqas fid-dokumentazzjoni tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tagħhom.

Tnaqqis tal-burokrazija

Fi sforz biex jitnaqqas l-għadd ta’ kontrolli, il-Kunsill appoġġa wkoll l-idea li l-Kummissjoni titħalla tistrieħ kemm jista’ jkun fuq l-awditjar, il-valutazzjonijiet jew l-awtorizzazzjonijiet eżistenti. Dan għandu jnaqqas il-burokrazija u jippermetti kemm lill-benefiċjarji kif ukoll lill-Kummissjoni li jqattgħu aktar ħin fuq kompiti oħra minflok jagħmlu xogħol amministrattiv.

L-abbozz ta’ regolament omnibus jgħaqqad ir-regolament finanzjarju tal-UE u r-regoli tal-applikazzjoni tiegħu fi ktieb tar-regoli uniku.

Kuntest

Ir-regolament omnibus ġie propost mill-Kummissjoni f’Settembru 2016 bħala parti mir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2014-2020.

Il‑passi li jmiss

Id-diskussjonijiet tat-trilogu bejn il-presidenza tal-Kunsill u r-rappreżentanti tal-Parlament u tal-Kummissjoni ser jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.

Kuntatti għall-istampa

Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.

L-aħħar reviżjoni: 15 ta' Jannar 2024