- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 28 ta' Mejju 2018 11:05
Land Salzburg: L-Awstrija mmultata għal rappurtar ħażin tad-data dwar id-dejn tal-gvern
Fit-28 ta' Mejju 2018, il-Kunsill impona fuq l-Awstrija multa ta' EUR 26.82 miljun minħabba l-manipulazzjoni tad-data dwar id-dejn fl-istat ta' Salzburg (Land Salzburg).
Il-multa hija relatata mad-dikjarazzjoni falza tad-data dwar id-dejn tal-gvern fl-2012 u l-2013, u hija riżultat ta' investigazzjoni mnedija mill-Kummissjoni f'Mejju 2016.
L-investigazzjoni sabet negliġenza serja fi tliet entitajiet pubbliċi Awstrijaċi: l-Awtorità tal-Istat tal-Awditjar, l-Uffiċċju tal-Istat u l-gvern statali ta’ Salzburg. Il-Kummissjoni ħarġet rapport fi Frar 2017.
It-tlieta naqsu milli jiżguraw data xierqa tal-kontrolli tal-kompilazzjoni u tal-proċeduri ta’ rappurtar tad-data. Dan ippermetta lill-unità tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Istat tiddikjara b'mod falz u taħbi tranżazzjonijiet finanzjarji. Dan wassal għal rappurtar ħażin mill-Awstrija lill-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-UE, tad-data ġenerali tagħha tal-gvern fl-2012 u l-2013.
Din hija t-tieni darba li ġiet imposta multa għal manipulazzjoni ta’ data taħt il-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni (ir-regolament 1173/2011). L-ewwel waħda kienet imposta fuq Spanja f’Lulju 2015. Ir-regolament 1173/2011 ġie adottat fl-2011 bħala parti minn tisħiħ tal-governanza fiskali.
Id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern huma element essenzjali għall-koordinament tal-politika ekonomika fil-livell tal-UE. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jiddeċiedi li jimponi multa fuq stat membru għall-finijiet tal-infurzar tas-sorveljanza tal-baġit fiż-żona tal-euro. L-għan huwa li jiskoraġġixxi dikjarazzjonijiet foloz tad-data dwar id-defiċit u d-dejn, sew jekk intenzjonali kif ukoll minħabba negliġenza serja.
Id-deċiżjoni ttieħdet waqt laqgħa tal-Kunsill Kompetittività, mingħajr diskussjoni.
Kuntatti għall-istampa
-
Ferran Tarradellas Espuny Press officer
- +32 473 95 45 74
- +32 2 281 6291
- @TarradellasEU
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024