- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 19 ta' Settembru 2019 12:00
EUCAP Somalia: jinħatar Kap ġdid tal-missjoni
Illum, ChristopherReynolds inħatar Kap tal-missjoni tal-UE ta' bini tal-kapaċità fis-Somalja, EUCAP Somalia. Huwa ser jieħu post Maria-Cristina Stepanescu (mir-Rumanija) li kienet ilha l-Kap tal-missjoni mill-1 ta' Settembru 2016.
Christopher Reynolds, ċittadin Irlandiż, ilu Viċi Kap tal-missjoni u Kap tal-Persunal minn Jannar 2019. Fl-2016-2017, kien il-Kap tal-Operazzjonijiet tal-missjoni. Qabel dan serva fil-Flotta Navali Irlandiża u fil-Gwardja tal-Kosta Irlandiża.
Il-mandat tal-EUCAP Somalia huwa li tissaħħaħ il-kapaċità ta' infurzar tal-liġi marittima ċivili tas-Somalja, billi tappoġġa lill-awtoritajiet Somali fl-iżvilupp tal-leġislazzjoni neċessarja, issaħħaħ il-katina tal-ġustizzja kriminali fil-qasam marittimu, u tipprovdi taħriġ u tagħmir. Il-missjoni tipprovdi wkoll pariri dwar il-politika lill-ministeru għall-politika tas-sigurtà interna u lill-pulizija tas-Somalja, b'appoġġ tal-inizjattivi mill-UE u s-sħab internazzjonali.
Il-mandat tal-missjoni attwalment jibqa' għaddej sal-31 ta' Diċembru 2020. Għandu baġit ta' € 66.1 miljun għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-31 ta' Diċembru 2020 u jikkonsisti minn 111-il membru tal-persunal minn 19-il pajjiż (93 membru tal-persunal internazzjonali u 18-il membru tal-persunal lokali). Huwa bbażat f'Mogadishu u għandu uffiċċji lokali f'Garowe (Puntland) u Hargeisa (Somaliland).
EUCAP Somalia hija parti mill-approċċ komprensiv tal-UE għas-Somalja, li jinkludi sforzi diplomatiċi, appoġġ għall-iżvilupp, għajnuna umanitarja kif ukoll impenn fil-qasam tal-istat ta' dritt u l-infurzar tal-liġi. Hija tinkludi żewġ missjonijiet komplementari taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-UE: l-operazzjoni ATALANTA ta' EUNAVFOR li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja, u EUTM Somalia li tipprovdi pariri militari lill-awtoritajiet Somali fil-livell strateġiku u politiku u tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-kapaċità ta' taħriġ tal-Armata Nazzjonali Somala (SNA) stess.
Kuntatti għall-istampa
-
Maria Daniela Lenzu Press officer
- +32 470 88 04 02
- +32 2 281 21 46
- @daniela_lenzu
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 13 ta' Jannar 2024