- Kunsill tal-Unjoni Ewropea
- Stqarrija għall-istampa
- 8 ta' Novembru 2019 14:16
VAT: Il-Kunsill jilħaq qbil proviżorju dwar regoli simplifikati għan-negozji ż-żgħar
Illum, il-Kunsill laħaq approċċ ġenerali dwar is-simplifikazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-VAT applikabbli għan-negozji ż-żgħar.
L-għan tar-regoli l-ġodda huwa li jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-ispejjeż ta' konformità għall-impriżi ż-żgħar u li tingħata għajnuna biex jinħoloq ambjent fiskali li ser jgħin lill-impriżi ż-żgħar biex jikbru u jagħmlu l-kummerċ transfruntier b'mod aktar effiċjenti.
Il-bidu ta' negozju ġdid huwa kompitu ta' sfida. Ir-regoli għandhom ikunu hemm biex jgħinu lill-imprendituri u lin-negozji l-ġodda, u mhux biex iqiegħdu ostakli addizzjonali fi triqthom. Din ir-riforma qed tintroduċi simplifikazzjoni tant meħtieġa fis-sistema attwali tal-VAT għan-negozji ż-żgħar u eżenzjoni mill-VAT madwar l-UE, u b'hekk jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni. Mika Lintilä, Ministru għall-Finanzi tal-Finlandja
In-negozji għandhom obbligi amministrattivi tal-VAT u jaġixxu bħala kolletturi tal-VAT. Dan jiġġenera spejjeż ta' konformità li huma proporzjonalment ogħla għal impriżi żgħar milli għal negozji akbar. Is-sistema eżistenti tal-VAT, li tipprevedi li l-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi ż-żgħar, hija disponibbli biss għall-atturi domestiċi. Ir-riforma li ntlaħaq qbil dwarha llum ser tippermetti li tiġi applikata eżenzjoni simili tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar stabbiliti fi stat membru ieħor. Wieħed mill-fatturi deċiżivi biex jikkwalifikaw għal tali eżenzjoni ser ikun il-livelli ta' fatturat iġġenerat.
Ir-regoli aġġornati ser itejbu wkoll it-tfassil tal-eżenzjoni, u b'hekk jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-ispejjeż ta' konformità mal-VAT. Hija ser tagħti wkoll l-opportunità li titħeġġeġ il-konformità volontarja u għalhekk tgħin biex jitnaqqas it-telf tad-dħul minħabba n-nuqqas ta' konformità u l-frodi tal-VAT.
It-test jipprevedi li l-impriżi ż-żgħar ser ikunu jistgħu jikkwalifikaw għal regoli simplifikati ta' konformità mal-VAT f'każ li l-fatturat annwali tagħhom jibqa' taħt livell limitu stabbilit minn stat membru kkonċernat, li ma jistax ikun ogħla minn EUR 85 000. Taħt ċerti kondizzjonijiet, impriżi żgħar minn stati membri oħra, li ma jaqbżux dan il-livell limitu, ser ikunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskema simplifikata, jekk il-fatturat annwali totali tagħhom fl-UE kollha ma jaqbiżx EUR 100 000.
B'mod konkret, ir-regoli maqbula huma magħmula minn żewġ elementi kostitwenti ewlenin:
- emendi għad-direttiva dwar il-VAT li għandhom l-għan li jirrevedu u jissimplifikaw ir-regoli dwar l-eżenzjoni mill-VAT għall-impriżi ż-żgħar sabiex ikunu jistgħu jużaw l-eżenzjoni mill-VAT madwar l-UE.
- emendi għar-regolament dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT biex tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva bejn l-awtoritajiet tat-taxxa fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli aġġornati tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar.
Il-passi li jmiss
Dawn ir-regoli għandhom jiġu adottati formalment mill-Kunsill mingħajr aktar diskussjoni ladarba t-test ikun ġie rivedut mill-ġuristi lingwisti.
Kuntatti għall-istampa
-
Patrick McCullough Press officer
- +32 471 33 38 46
- +32 2 281 91 19
Jekk m'intix ġurnalist(a), jekk jogħġbok ibgħat it-talba tiegħek lis-servizz għall-informazzjoni tal-pubbliku.
L-aħħar reviżjoni: 14 ta' Jannar 2024