"Il-cookies jintużaw biex intejbu l-esperjenza ta' navigazzjoni tiegħek. Il-cookies meħtieġa huma neċessarji biex jappoġġaw karatteristiċi essenzjali tas-sit web tal-Kunsill. Il-cookies fakultattivi jgħinuna nipproduċu rapporti statistiċi anonimi u aggregati biex naqdu aħjar il-ħtiġijiet tiegħek.
Dikjarazzjoni mill-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel wara l-ftehim tal-Grupp tal-Euro
Il-ftehim tal-Grupp tal-Euro huwa pass sinifikanti 'l quddiem. Aktar minn nofs triljun euro huma disponibbli biex jipproteġu l-pajjiżi, il-ħaddiema u n-negozji tal-Unjoni Ewropea. B'dan il-pakkett eċċezzjonali ser nerfgħu l-piż tal-kriżi flimkien. Dan il-kompromess huwa mmirat lejn solliev minnufih.
Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew
Il-ftehim tal-ministri għall-finanzi jiffoka fuq l-appoġġ għall-ekonomiji tal-Ewropa. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà ser jipprovdi appoġġ għal kriżijiet pandemiċi, fil-forma ta' linji ta' kreditu prekawzjonarji.
Imbagħad għandu jiġi stabbilit strument temporanju ta' solidarjetà biex jipprovdi self tal-Unjoni li jingħata b'termini favorevoli lill-istati membri tal-UE bil-għan li jiġu protetti l-ħaddiema u l-impjiegi fil-kriżi attwali.
U finalment, il-Bank Ewropew tal-Investiment ser jimplimenta l-proposta tiegħu biex joħloq fond ta' garanzija pan-Ewropew biex jappoġġa n-negozji tal-UE, b'mod partikolari l-SMEs, matul din il-kriżi.
Ġie maqbul ukoll li jiġi esplorat l-istabbiliment ta' Fond ta' Rkupru temporanju biex jiġi żgurat irkupru ekonomiku robust Ewropew fl-istati membri kollha.
Il-president ser imexxi 'l quddiem din il-ħidma fid-dawl tal-vidjokonferenza li jmiss mal-membri tal-Kunsill Ewropew nhar il-Ħamis, 23 ta' April 2020.
"Issa wasal iż-żmien li titwitta t-triq għal irkupru ekonomiku robust. Dan il-pjan irid iniedi mill-ġdid l-ekonomiji tagħna filwaqt li jippromwovi l-konverġenza ekonomika fl-UE. Hawnhekk il-baġit tal-UE ser ikollu rwol sinifikanti. Flimkien mal-President tal-Kummissjoni, qed naħdem fuq Pjan Direzzjonali u Pjan ta' Azzjoni biex niżgura l-benessri tal-Ewropej kollha u biex inġib l-UE lura għal tkabbir b'saħħtu, sostenibbli u inklużiv ibbażat fuq strateġija ekoloġika u diġitali."
Kuntatti għall-istampa
Beatriz Navarro
Deputy spokesperson for the European Council President